Lokali

NIŻVELAW: Qabda kbira ta’ droga minn garaxx f’Burmarrad

Aktar minn 130kg ta’ kannabis instabu f’bottijiet taż-żebbuġ li kienu qed jinżammu f’garaxx f’Burmarrad. Dan wara operazzjoni delikata minn naħa tal-Pulizija. B’kollox fil-garaxx kien hemm 441 bott issiġillat. Instab ukoll ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina.

Net News jista’ jiżvela li fis-17 ta’ Awwissu ġew arrestati numru ta’ persuni b’rabta ma’ din is-sejba ta’ droga.

Aktar tard, il-Pulizija qalu li l-valur tad-droga misjuba tlaħħaq €2.5 miljun.

Mill-garaxx ġew arrestati żewġt irġiel Maltin, wieħed ta’ 30 sena residenti San Ġwann u l-ieħor ta’ 26 sena residenti l-Ħamrun. Sussegwentement ġew arrestati żewġt irġiel oħra, Malti ta’ 26 sena residenti Pembroke u Ingliż ta’ 43 sena residenti San Ġiljan.

Il-Pulizija elevat apparat biex il-kannabis tiġi ppakkjata u ssiġġillata fil-boroż, ammonti żgħar ta’ droga suspettata kokaina, ecstasy u amfetamina, flimkien ma` arma tan-nar u munizzjon kif ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.

Dwar il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali.