Taljan minn Milan ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li fil-15 ta’ Lulju tal-2019 fi Triq Melita kantuniera ma’ Triq San Pawl fil-Belt Valletta ikkawża ġrieħi gravi lil Arthur Giordano dan wara li tah daqqa ta’ ponn u tefgħu minn tulu ma’ l-art. Il-vittma sofra ġrieħi serji f’imnieħru.
Andrea Soriani, li jgħix Malta sostna mal-Maġistrat Monica Vella li huwa rreaġixxa b’dan il-mod minħabba li Giordano kien laqatlu bir-rota tal-mutur tiegħu waqt li kien qed jipprova jaqbeż il-vettura tiegħu. F’dan l-inċident inqalgħet ġlieda wara li t-Taljan jidher li kien imblokka t-triq għal xi ħin.
Giordano ma felaħx jistenna u hawn ġew skambjati xi kummenti diżpreġġattivi miż-żewġ naħat. Il-Maġistrat Monica Vella ma qablitx ma’ dak li qal it-Taljan minħabba li qalket li ma kien hemm l-ebda prova li Soriani kien intlaqat mir-rota u ma kienx issottometta ċertifikat tat-tabib. L-inċident kien seħħ għall-ħabta tan-12.30pm.
Il-Maġistrat sostniet ukoll li anke jekk Soriani kien intlaqat bir-rota r-reazzjoni tiegħu kienet waħda ta ’sproporzjon minħabba li Giordano kien spiċċa l-isptar bi ġrieħi gravi fil-wiċċ waqt li l-akkużat ma sofra l-ebda ġrieħi. Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Vella qieset il-fatt li l-imputat kien onest u ammetta għall-akkuża li ta daqqa ta ’ponn lir-raġel l-ieħor. Soriani ġie kkundannat għal sena ħabs sospiża għal perjodu ta ’sena. Il-każ kien ġie investigat mill-Ispettur tal-Pulizija Priscilla Caruana Lee. Għal Soriani deher l-Avukat David Gatt.
//= $special ?>