Lokali

Titkellem għall-ewwel darba l-armla tan-nutar Ivan Barbara

"L-allegazzjonijiet huma malafamanti"

Fi ittra mingħuta permezz tal-avukati tagħha, Rosanne Barbara Zarb, armla tan-nutar Ivan Barbara, insistiet li hi ma kellha ebda involviment jew konnessjoni mal-professjoni ta’ żewġha.

Il-mara, li tkellmet għall-ewwel darba issa wara jiem sħaħ nippruvaw nieħdu r-reazzjoni tagħha, qed tiċħad bil-qawwa li għamlet użu, ħadet xi vantaġġ jew irċeviet f’kontijiet bankarji tagħha xi parti minn dawk il-flejjes. Dan għaliex il-koppja kellha kontijiet separati.

“B’referenza għal dikjarazzjonijiet li ġew pubblikati li jimplikaw lil Barbara Zarb f’involviment f’kumpaniji offshore, u f’misapproprjazzjoni ta’ flejjes, dawn id-dikjarazzjonijiet huma għal kollox foloz u malafamanti. Hi qatt ma kellha ebda involviment f’kumpaniji offshore u qatt ma mmisapproprjat flejjes”, sostnew l-avukati tagħha.

Hija ddikjarat ukoll, bl-aktar mod assolut, li l-proċess kollu tal-adozzjoni ta’ bintha, bl-ispejjeż relattivi, inklużi dawk ta’ vjaġġar u alloġġ, ghaliha u ghal zewgha, tħallsu fl-intier tagħhom minnha mill-fondi li ġew għandha mill-eżerċizzju tal-professjoni tagħha.

“Filwaqt li tifhem u tissimpatizza ma’ kull min qed jirreklama flusu, Barbara Zarb ma għandha ebda tagħrif fir-rigward. Dak kollu li qed jingħad dwar li setgħet ħadet xi forma ta’ vantaġġ f’ħajjet żewġha, jew wara mewtu, minn dawk il-flejjes, m’għandu assolutament xejn mill-verita’”, isostnu l-avukati.

Huma fl-ebda ħin ma jispjegaw għaliex hi irrinunzjat il-wirt ta’ żewġha.