Lokali

Tkompli togħla l-ħajja … imma mhux għal tal-One

Ċifri maħruġa mill-NSO juru li bejn Ġunju u Lulju kien hemm żieda fl-Indiċi tal-Prezzijiet illi jitfa’ dawl fuq l-għoli tal-ħajja. Dan l-indiċi jikkonferma li kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-ikel u x-xorb, żieda fil-prezzijiet tar-ristoranti, kif ukoll żidiet fil-prezz ta’ apparat domestiku u servizzi ta’ trasport.

L-istatistika tal-NSO turi żidiet fil-prezzijiet li baqghu b’mod konsistenti sa minn Frar ta’ din is-sena.

Madankollu… meta l-media tal-Partit Laburista giet biex tirapporta din l-aħbar…ħolqu realtà ġdida li mhi xejn ħlief fake news. Inċidentalment… l-istazzjon Nazzjonali rrapporta l-aħbar preċiżament bl-istess mod, u daqq l-istess diska tal-One.

Dan ir-rappurtaġġ qajjem ħafna rabja fost persuni li raw l-aħbar kif irrappurtata mill-media laburista. U l-paġna ta’ Facebook ta’ One News kellha baraxx ta’ kummenti minn nies irrabbjati ferm.

Fost il-kummenti kien hemm min kiteb li min irrapporta ma jiekolx… jew mhux jgħix f’Malta.

Kien hemm min qal li l-prezzijiet tal-ikel jinbidlu minn ġurnata għall-oħra… u min qal li dawn ma jmorrux jixtru u allura ma jafux kemm qed tgħola l-ħajja….

Kien hemm min qal illi hu evidenti li min jaħseb li l-ħajja m’għolietx qed jgħid hekk għax komdu hu….u li mhux kulħadd huwa komdu.

Bosta qalu li ż-żieda tinħass l-aktar fl-affarijiet ta’ kuljum… bħall-ikel bażiku… affarijiet li żgur mhumiex kapriċċi iżda bżonnijiet biex wieħed jgħix ħajja diċenti.

Iżda l-aktar kelma li spikkat fir-reazzjonijiet tan-nies fuq Facebook kienet il-kelma “Ġaħan” – fost il-kummenti…aħna mhux Gaħan… u trid tkun Ġaħan biex tibla dak li kitbu tal-One…. b’referenza għall-mod kif il-Ministru Edward Zammit Lewis irrefera għall-kostitwenti tieghu fil-whatsapp chats ma’ Yorgen Fenech.