Sudaniż ta’ 28 sena ġie kundannat 14-il xahar wara li ammetta li kkawża ġrieħi ħfief fuq koppja anzjana fil-Ħamrun, liema inċident seħħ is-sena li għaddiet. Ir-raġel u l-mara t-tnejn ġarrbu ġrieħi f’inċident li seħħ fil-lejl tas-6 ta’ Lulju 2020 fi Triq Dun Nerik Cordina Perez, eżatt‘ il barra mit-triq ewlenija tal-Ħamrun.
L-aggressur kien ivvandalizza karozza pparkjata li kienet proprjetà ta’ terza persuna qabel ma laqat lill-anzjana. Ir-raġel tagħha mbagħad ipprova jintervjeni, biex spiċċa wkoll fil-mira taż-żagħżugħ. John Choul Phan, ċittadin tas-Sudan t’Isfel li joqgħod il-Ħamrun, ġie arrestat minħabba l-inċident u akkużat li kkawża ħsara lill-koppja, li kkawża ħsara volontarja lill-karozza pparkjata u li kiser il-paċi pubblika. L-akkużat ammetta l-akkużi aktar kmieni dan ix-xahar.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ordnat ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-anzjani għall-perjodu ta’ sena u dan billi s-Sudaniż irid jagħmel tajjeb għalih għas-somma ta’ €2,000. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Stacey Attard.
//= $special ?>