Lokali

Barbecue li qered mijiet ta’ naħal u ekosistema sħiħa f’Lapsi

Nirien minn fdalijiet ta’ barbecue li sar fix-xagħri spiċċaw infirxu sew u qerdu zona kbira f’Lapsi, bir-riżultat li nqerdet l-ekosistema fil-lokalità.

Bl-istess nirien inqerdu ħafna arbuxelli tas-sagħtar – arbuxelli li kienu jsostnu eluf ta’ naħal li jitrabbew fil-qrib, u li issa spiċċaw m’għandhomx xi jsostinhom.

Minbarra l-qerda ta’ għadd ta’ arbuxelli ta’ din il-pjanta indiġena għal pajjiżna, dawn in-nirien li tqabbdu b’mod tant traskurat minn fdalijiet ta’ barbecue li ntremew wara ħajt tas-sejjieħ,dawn in-nirien fissru wkoll it-tmiem għal mijiet ta’ naħal li jitrabbew b’tant għożża f’din iż-żona.

In-naħħal li tkellem ma’ Net News li ilu s-snin irabbi n-naħal, spjegalna xi tfisser il-qerda tan-naħal b’mod aktar wiesgħa. Huwa qalilna li l-qerda ta’ dawn il-kreaturi tfisser il-qerda ta’ frott u ħaxix li jipprovdielan l-ikel ta’ fuq il-mejda tagħna.

Minbarra li jipprovdulna l-għasel, in-naħal filfatt għandhom funzjoni imprezzabli fil-foodchain. Dan għaliex terz tal-ikel kollu li nieklu filfatt huwa mdakkar min-naħal, jew b’mod dirett jew inkella b’mod indirett.

Wieħed għaldaqstant għandu joqgħod attent li bl-azzjonijiet tiegħu ma jeqridx la naħal u lanqas il-kumplament tal-ekosisterma ta’ madwarna, bħal ma seħħ b’dan il-każ fejn it-traskuraġni ta’ persuni ssarrfet f’tant ħsara lill-ambjent u l-kreaturi li jgħixu fih.