Il-lockdown fil-belt ta’ Sydney spiċċa estiż sal-aħħar ta’ Settembru bil-għan li tonqos il-firxa tal-infezzjonijiet bil-Covid-19. Dan meta l-awtoritajiet imponew curfew għal żewġ miljun residenti fis-sobborgi tal-belt li ġarrbu l-agħar impatt tal-epidemija.
Ir-residenti f’Sydney ilhom marbutin bid-direttivi biex jibqgħu d-dar mill-aħħar jiem ta’ Ġunju. Madankollu, l-infezzjonijiet bil-Covid aktar milli rduppjaw fl-aħħar ġimgħa, b’mijiet ta’ każi qed ikunu rreġistrati minn jum għal ieħor.
Il-Prim Ministru ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian, qalet li l-aħħar miżuri huma meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà u li ‘il-poplu għandu jistenna dawn id-deċiżjonijiet diffiċli’.
Il-curfew hu intiż biex inaqqas il-movimenti taż-żgħażagħ f’Sydney, bil-pulizija jirreferu għal sitwazzjonijiet fejn iż-żgħażagħ inqabdu jiksru l-liġijiet ‘tal-Covid’ tard matul il-lejl. Madankollu l-kritiċi qed jgħidu li ftit hemm provi mediċi li juru li l-curfews huma effettivi għall-kontroll tal-virus.
Id-deputati lokali, intant, anki kkritikaw lill-awtoritajiet talli applikaw ir-restrizzjonijiet aktar ħorox għas-sobborgi lejn il-punent u l-lbiċ ta’ Sydney.
.
//= $special ?>