L-għoli tal-ħajja qed ikompli jitfa’ piż akbar fuq il-familji Maltin u Għawdxin, hekk kif fl-aħħar ġimgħat kienet innutata żieda fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti bażiċi.
Tkellem magħna Philip Chircop, il-Fundatur u l-President tal-Fondazzjoni ‘Nanniet Malta’ illi ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni kurrenti u l-piż li qed iħossu n-nanniet minħabba din is-sitwazzjoni – żidiet li mhux biss in-nanniet qed iħossuhom.
“Fuq in-nanniet, fuq l-anzjani u l-pensjonanti se tkun aktar, speċjalment fuq dawk li għandhom pensjoni, però l-għoli tal-ħajja mhux biss jaffetwa lin-nanniet, imma lil kulħadd, u kull żieda hija dejjem piż”
Il-President tal-Fondazzjoni Nanniet Malta qal li n-nanniet għandhom rwol li jgħinu kemm jista’ jkun lill-familja. U l-għoli tal-ħajja, żgur illi mhux jgħin.
“Meta inti nannu u nanna, mhux qed tgħix waħdek, għandek il-familja, u n-neputijiet…. in-nanniet għandhom il-birthdays tal-ulied u n-neputijiet u l-pensjoni qed tinqasam biex tgħin lill-familja ta’ uliedek, lit-tfal tat-tfal”
Huwa kompla li n-nanniet f’waqtiet jgħinu fix-xiri tal-affarjiet għan-neputijiet, inkluż affarjiet tal-iskola… u tenna li bl-għoli tal-ħajja kull aspett tal-ħajja se jintlaqat.
Philip Chircop qal li ċertu prodotti essenzjali llum għolew, u mhux biss prodotti imma anki ċertu servizzi, apparti l-fatt li dejjem hemm il-piż tal-mediċini, specjalment fuq l-anzjani.
Il-President tal-Fondazzjoni Nanniet Malta qal li l-awtoritajiet iridu jagħmlu studji fuq l-għoli tal-ħajja, u mhux irridu nistennew il-budget li jmiss biex nindirizzaw il-COLA.
“Jekk l-awtoritajiet ma jikkunsidrawx li jsiru studji, għandek pajjiżi barra minn Malta li mhux darba fis-sena jirranġaw il-COLA u l-livelli tas-salarji, jirranġawhom meta vera jogħlew drastikament, waqt il-pandemija meta qed jiżdidulek il-prezzijiet, jew bl-iskuża tal-pandemija kien hemm żieda.. trid iżżid fis-salarji”
Huwa għalaq billi qal lil Net News li l-Gvern jeħtieġ li jaħseb għal żieda fil-COLA u fis-salarji tal-ħaddiema.
“In-nanniet tagħna, il-pensjonanti, dawk ir-romol, dawk li jgħixu waħedhom, li għandhom dħul baxx fil-pensjoni, iridu jiġu kumpensati bil-COLA li l-Gvern irid jaħseb fis-salarji tal-ħaddiema”
//= $special ?>