Minkejja l-urġenza fil-qasam ambjentali, anke fid-dawl tar-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti li juri s-sitwazzjoni kritika anke biex tkun indirizzata l-problema tat-tibdil fil-klima, il-gvern permezz tal-Ministru Aaron Farrugia għadu qed ikaxkar saqajh.
Dan hu Gvern li niżżel il-miri tal-Unjoni Ewropa fil-qtugħ tal-emmissjonijiet, naqas milli jinvesti f’infrastruttura għall-karrozzi elettriċi u gvern li qed jinjora d-drittijiet ta’ dawk li jinvestu f’sistemi ta’ pannelli solari.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima Robert Cutajar, il-Kelliem għall-Ekonomija l-Ħadra u l-Proġetti Kapitali David Thake u l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Janice Chetcuti, ngħad li l-Gvern hu inkonsistenti fuq dan is-suġġett bil-ministru stess jammetti li dan il-Gvern ma kienx ta prioritá lill-qasam ambjentali.
Il-Gvern falla u issa għax kien obligat li mill-fondi ta’ rkupru jrid jalloka ammont għas-settur ambjentali, issa qed jipprova jieħu l-mertu għal dan. L-istess bħal ma daqq il-vittorja meta kien ftaħar li kien ikkonvinċa lill-Unjoni Ewropea biex il-miri ta’ Malta fejn jidħol it-tnaqqis fl-emmissjonijiet jinżel minn 36% għal 19%.
Hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet li jwasslu biex bħala poplu nindirizzaw din is-sitwazzjoni. Issemma kif hemm bżonn infrastruttura b’saħħitha u kampanja edukattiva qawwija biex aktar nies jinvestu f’vetturi elettriċi. Gvern li falla fil-miri ambjentali sas-2020 ma’ jistax ikun kredibbli u fdat fuq dak li qed jgħid dwar il-miri ghas-snin 2030 u 2050.
It-tibdil fil-klima hi realtá li issa bdejn inħossu l-effetti tagħha b’sitwazzjonijiet ta’ elementi estremi. Sħana kbira li minnha qed ibatu ħaddiema li xogħolhom hu fuq barra, kif ukoll elementi oħra li qed jimpattaw u se jimpattaw l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu.
Il-kelliema fakkru kif il-Partit Nazzjonalista qed ikun pro-attiv, għandu cluster dedikata għal dan is-settur li qed taħdem fuq proposti li se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin. Issemma wkoll kif il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq konferenza nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li d-dettalji tagħha se jkunu qed jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.