“Aħna ser inkomplu nkunu l-vuċi ta’ dawk kollha li l-Gvern qed jipprova jgħaddi minn fuqhom bl-arroganza tiegħu”
Hekk qal il-Kap tal-PN Bernard Grech permezz ta’ post fuq Facebook … hekk kif fakkar li wara li ħafna residenti, il-Kunsill Lokali u l-Partit Nazzjonalista opponew il-proġett tal-marina f’Marsaskala, il-Gvern għadu ma rtirax il-proġett.
Bernard Grech qal li agħar minn hekk, il-Ministru Aaron Farrugia qed juża eżempji vagi bħall-bini tal-ajruport biex jiġġustifika l-pjanijiet tal-Gvern Laburista.
Fil-messaġġ tiegħu il-Kap tal-PN qal li dan juri biss li l-Gvern la jimpurtah mill-impatt ambjentali, u wisq inqas mill-opinjoni tan-nies.
Fl-aħħar jiem il-PN permezz tal-Kunsilliera tiegħu f’Marsaskala talbu lil Transport Malta taghmel proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mal-Kunsill Lokali u r-residenti ta’ Marsaskala b’mod immedjat, bil-għan li jiġi stabbilit pjan holistiku għal din il-lokalità.
Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ ukoll lill-Gvern sabiex jikkommetti ruħu b’mod ċar u inekwivoku li ser iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-iżvilupp taż-Żonqor sabiex il-lokalità ta’ Marsaskala tibqa’ tgawdi minn spazji miftuħa li jħallu impatt pożittiv fuq ir-residenti u l-istess lokalità.
//= $special ?>