Il-grupp tad-drittijiet umani Amnesty International żvela li t-Talibani, ftit taż-żmien ilu, kienu ‘ittorturaw u mmassakraw’ diversi membri tal-minoranza ta’ Hazara fl-Afganistan.
Intant, numru ta’ xhieda qegħdin jirrakkuntaw dettalji xokkanti tal-qtil, li kien seħħ fil-provinċja ta’ Ghazni, matul l-ewwel ġranet ta’ Lulju.
It-Talibani fl-aħħar jiem ippruvaw juru ‘bidla fl-atteġġjament brutali li huma magħrufin għalih’ u mindu huma ħadu l-kontroll fil-kapitali Afgana, Kabul.
Madankollu, ftit huma n-nies li jemmnu li t-Talibani nbidlu, bis-sorsi viċin l-Amnesty isostnu li l-massakru tal-membri ta’ Hazara irid jitqies bħala ‘indikatur orribbli’ tat-tmexxija tat-Taliban.
Il-komunità ta’ Hazara hi t-tielet l-akbar grupp etniku fl-Afganistan. Il-membri ta’ din il-komunità fil-parti kbira jipprattikkaw ir-reliġjon X’it Iżlamiku u ilhom isofru d-diskriminazzjoni u persekuzzjoni għat-tul taż-żmien fl-Afganistan.
Intant, ir-rapport tal-Amnesty qed jgħid li l-qtil tal-irġiel ta’ Hazara kien seħħ bejn l-4 u s-6 ta’ Lulju fid-distrett ta’ Malistan, fil-provinċja ta’ Ghazni, lejn il-lvant tal-Afganistan.
Is-sorsi viċin il-grupp, sadanittant, intervistaw lix-xhieda waqt li analizzaw ukoll ix-xhieda fotografika ta’ wara l-qtil.
Dan meta r-residenti tal-villaġġi ‘fiz-zona tal-qtil’ kienu ħarbu lejn il-muntanji fl-aħħar jiem u ladarba intensifikaw il-battalji bejn il-qawwiet tal-Gvern Afgan u t-Talibani, qabel il-militanti Iżlamiċi rnexxielhom jaħtfu r-riedni fl-ibliet prinċipali tal-pajjiż.
Is-Segretarju-Ġenerali tal-Amnesty, Agnès Callamard, qalet li ‘il-brutalità sfaċċata min-naħa tat-Taliban u l-qtil barbaru tal-membri ta’ din il-minoranza għandhom ifakkru fir-rekord tal-passat tal-militanti Iżlamiċi minbarra li jiftħu għajnejn id-dinja dwar fejn kapaċi jwassal dan il-kapitlu ġdid għall-Afganistan’.
//= $special ?>