Lokali

Kacey Wadge – it-tfajla Maltija determinata għal karriera fil-musicals

Kacey tinterpreta l-karattru ‘Mother Abbess’ fil-musical ‘The Sound of Music’, f’Rose Theatre Kingston, l-Ingilterra

Minn età żgħira Kacey Wadge dejjem kellha passjoni kbira għat-Teatru u għall-Mużika.  Hi ġejja minn familja mużikali li dejjem ħeġġewha tiżviluppa t-talenti tagħha. 

Kellha opportunitajiet varji fejn ħadet sehem sew fi produzzjonijiet lokali kif ukoll barra minn Malta bħall-Vatikan, Vjenna u postijiet varji fl-Ingilterra.  Fosthom meta kellha r-rwoli prinċipali fil-musicals ‘Sound of Music’, ‘Joseph and the Technicolour Dreamcoat’ u ‘We Will Rock You’.

F’Diċembru 2018 Kacey rebħet il-premju ‘Outstanding Singer Award’ organizzat minn Stagecoach Talent Agency Worldwide.  Kienet preżentata b’dan il-premju mill-produttur tal-Muscial ‘The King and I’.

Meta kellha 14-il sena Kacey ntgħażlet biex tieħu sehem fi musical ma’ madwar 70 żagħżugħ u żagħżugħa fl-etajiet ta’ bejn 10 u 18-il sena. Dawn iltaqgħu l-Ingilterra għal ġimagħtejn biex itellgħu produzzjoni professjonali mmexxija minn professjonisti fil-qasam tat-teatru. Minn wara din l-esperjenza ddeċidiet li tieħu dan il-passatemp bħala professjoni.

Meta spiċċat l-iskola sekondarja Kacey rebħet borża ta’ studju mogħtija mill-Malta Arts Scholarship, biex b’hekk tkun tista’ tibda tispeċjalizza fil-qasam tal-Musical Theatre.  Din il-borża ta’ studju kienet strumentali biex Kacey setgħet tibda twettaq il-ħolma tagħha.

Wara auditions rigorużi hi bdiet kors f’Emil Dale Academy li għalih jattendu studenti ta’ bejn 16 u 18-il sena. Dan il-kors iwassal għal diploma B Tech f’livell MQF 4.  L-għan ewlieni ta’ dan il-kors hu li jipprepara lill-istudenti biex ikomplu jistudjaw f’universitajiet u akkademji mużikali oħra. Dan isir permezz ta’ għalliema b’esperjenza kbira f’dan is-settur. Tul dan il-kors l-istudenti jingħataw attenzjoni sew fi gruppi kif ukoll individwali.

Għal Kacey dan il-kors kien ta’ sfida kbira sew fiżikament kif ukoll mentalment.  Kienu sentejn b’sigħat twal u intensivi ta’ provi. Imma Kacey dejjem stinkat u marret ’il quddiem fil-kapaċitajiet tagħha. Dan kien possibbli bl-għajnuna u l-inkoraġġiment tal-għalliema, studenti ħbieb, u membri tal-familja tagħha. Kacey qaltilna li hawnhekk apprezzat kemm huwa importanti li l-atturi jirrispettaw u jinkoraġġixxu t-talenti ta’ xulxin. 

Diffikultà kbira li ma kinetx mistennija kienet is-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19. Kien hemm perjodi fejn il-lezzjonijiet kellhom isiru online u f’dan is-settur mhuwiex faċli biex dan isir minħabba n-natura prattika tas-suġġetti.  Minn dan il-kors, minbarra s-suġġetti nfushom, Kacey tgħallmet ħafna dwar l-industrija.  Tgħallmet li qatt ma tista’ tieqaf titgħallem u tipperfezzjona t-talenti tagħha specjalment minħabba li dan is-settur hu wieħed kompetittiv ħafna.

Fl-aħħar ta’ dan il-kors Kacey se tipparteċipa f’Showcase fejn l-istudenti juru l-kapaċitajiet tagħhom. Matul dan ix-xahar se tieħu sehem ukoll fil-Musical ‘The Wizard of Oz’ li ser jittella fit-Teatru Rhoda McGaw f’Woking. Kacey se tinterpreta l-karattru ta’ Glinda, li hi waħda mill-karattri prinċipali f’dan il-musical.

F’din l-aħħar sena Kacey għamlet ħafna auditions għall-universitajiet tal-Musical Theatre. Dan kien perjodu intensiv ħafna imma tgħallmet ħafna minnu.  Irnexxielha tiġi aċċettata f’iktar minn università waħda fl-Ingilterra u fl-Amerka.  

Mis-sena skolastika li jmiss Kacey se tkun qed tattendi Guildford School of Acting li hija università prestiġjuża f’dan il-qasam fir-Renju Unit. Hawnhekk se tagħmel il-kors ta’ BA Hons Actor Musicianship li jinkorpora fih ukoll il-mużika barra ż-żfin, drama u kant.

Kacey tgħid li l-fatt li ta’ sittax-il sena kellha titlaq lill-familja u lil pajjiżha biex tkompli l-istudji tagħha kien ta’ sfida kbira. Ghalkemm tħoss in-nuqqas tal-familja, l-aktar f’xi okkażjoni speċjali, tgħallmet tkun indipendenti u tistaqsi għall-għajnuna meta meħtieġa. Kellha tadatta ruħha għal kultura differenti. Finalment qaltilna li tħoss ħafna n-nuqqas tal-ikel Malti, speċjalment l-ikel tradizzjonali tan-nanniet tagħha!

Il-ħolma ta’ Kacey hi li taħdem f’dan is-settur kif ukoll li tgħaddi t-talenti tagħha lil studenti oħra.  Xtaqet tirringrazzja lil kull min taha sostenn f’dawn is-sentejn, b’mod speċjali lill-familja, ħbieb u għalliema tal-passat u tal-preżent.