L-istudenti Universitarji f’għajta waħda biex il-Ministri u d-Deputati fil-Gvern ta’ Robert Abela li kienu fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat jerfgħu r-responsabbiltà politika u jirriżenjaw. Dan fid-dawl tal-fatt li l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia tefgħet reponsabbiltà fuq l-Istat għall-assassinju tal-ġurnalista.
Fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universitarji fakkar kif dawk il-politiċi fil-Gvern ta’ Muscat kienu konxji sew mill-korruzzjoni u l-impunità li kienet qed tiżviluppa fl-ogħla livell tal-Gvern. Madankollu, dawn baqgħu siekta u njoraw id-dmir tagħhom li jaġixxu għall-benefiċċju tal-pajjiż.
Il-KSU qal li l-fatt li l-Istat instab responsabbli mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia hu turija tad-dgħufija tas-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna, kif ukoll li l-konnessjonijiet u r-relazzjonijiet intimi mal-akkużati juru linji mċajpra bejn dawk li jmexxu l-Istat u dawk li jirrikorru għall-kriminalità u l-korruzzjoni.
Il-KSU kompla jikkritika s-skiet tal-membri tal-Kabinett, li qal li juri nuqqas ta’ kontabbiltà li suppost għandha tingħata lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Bl-istess mod li l-Kunsill hu mħasseb ħafna bir-relazzjoni bejn il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis u Yorgen Fenech għax qal li hu inaċċettabbli li l-Minisru li suppost jara li tkun qed issir il-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt ikun assoċjat daqstant mill-qrib mal-akkużat kompliċi bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-istqarrija sabet l-appoġġ ukoll ta’ 14-il għaqda studenteska oħra (Betapsi Malta, DESA, ESO, GUG, Insite Malta, Junior Chamber of Advocates, JEF Malta, MIRSA, MKSA, The Third Eye, TDM 2000 Malta, SDM, SĦS u UESA), kif ukoll ir-Rappreżentanti tal-Istudenti ta’ seba’ Fakultajiet (tal-Arti, tal-Edukazzjoni, tax-Xjenzi tas-Saħħa, tal-ICT, tal-Liġi, tat-Teoloġija, tal-Inġinerija) u l-Istitut tal-Istudji Ewropej, l-Iskola tal-Performing Arts u fis-Senat.
Dawn qalu li jittamaw li l-Istat jindirizza u serjament jimplimenta mingħajr dewmien ir-rakkomandazzjonijiet imressqin mill-Bord tal-Inkjesta. Dan għax il-pajjiż għandu bżonn jitgħallem u jfiq mill-oskurità li rriżultat mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>