Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal żewġt irġiel li serqu b’€7,000 fi flus u deheb

Żewġt irġiel mill-Kottonera li ammettew li serqu flus kontanti u ġojjelli minn dar f’Birżebbuġa kienu kkundannati sentenza sospiża mill-Qorti tal-Maġistrati. Clint Gouder ta’ 32 sena minn Bormla u Darren Bonnici ta’ 39 sena mill-Isla ammettew li fl-24 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tal-10.30 p.m., ikkommettew is-serqa minn dar fi Triq San Mikiel.

Filwaqt li wissiethom tal-konsegwenzi rigward l-ammissjoni tagħhom il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ordnatilhom biex fi żmien sitt xhur iħallsu lill-vittmi tas-serqa €7,000 bejniethom. L-irġiel kienu arrestati mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri wara analiżi ta’ filmati mill-kameras tas-CCTV bl-investigazzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca. Huma ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.