Kampjonat Premier | It-Tieni Ġurnata
ILLEJLA FIS-7PM, STADIUM NAZZJONALI | Birkirkara kontra Hamrun Spartans
Din tal-lejla, il-partita bejn Birkirkara u Ħamrun Spartans, hi mingħajr l-iċken dubju l-aktar waħda mistennija mit-tieni ġurnata ta’ partiti mill-Kampjonat Premier. Wara l-bidu b’telfa għaċ-champions Ħamrun kontra Valletta, illum xejn għajr rebħa ma tista tikkuntenta lill-kowċ Għawdxi, Mark Buttigieg, iżda fuq kollox lit-tmexxija u l-partitarji tal-Ispartans.
Iżda rebħa llum, għal Ħamrun kontra Birkirkara, hi meqjusa għal darb’oħra bħal waħda diffiċli, forsi ferm aktar milli setgħet tkun diffiċli fl-ewwel logħba li lagħbu, u eventwalment tilfu, kontra Valletta. L-avversarji ta’ Ħamrun fit-tieni partita tal-Kampjonat, Birkirkara kellhom bidu b’saħħtu, b’rebħa ta’ 3-0 kontra Mosta. Immexxija minn Andre Paus bħala kowċ, fl-ewwel logħba tagħhom, Birkirkara urew biċ-ċar li fl-attakk huma għandhom saħħa kbira, tant li kellhom xejn inqas minn għoxrin xutt lejn il-lasta, b’ħamsa minnhom inkunu fil-lasta. Minn naħa l-oħra, Ħamrun kellhom it-tieni l-akbar ammont ta’ xuttijiet lejn il-lasta; total ta’ 12 u li minn dawn, tlieta biss kienu on target.
Iżda komplessivament, fl-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier, minkejja li tilfu kontra Valletta, Ħamrun kien it-tim li kellu l-akbar ammont ta’ okkażżjonijiet tajba ta’ skor, minn fost it-tnax-il tim tal-Kampjonat. Ħamrun ħolqu 12-il ċans ta’ skor, u skorjaw darba. Birkirkara kienu t-tieni l-aħjar wara Ħamrun, b’tmien okkażżjonijiet ta’ skor, iżda minn dan l-ammont kienu kapaċi jsarfu gowl f’tliet ċirkostanzi differenti.
Potenzjalment dan id-dwell bejn Birkirkara u Ħamrun jaf se jkun qed ilaqqa’ kontra xulxin, tnejn mill-aqwa timijiet ta’ dan l-istaġun u fi stadju daqstant bikri tal-Kampjonati. F’din il-partita jaf jagħmel id-debutt tiegħu fid-difiża ta’ Birkirkara, l-akkwist il-ġdid tal-Karkariżi, Enzo Ruiz mingħand Floriana.
Fl-aħħar konfront dirett bejn dawn it-tnejn, nhar it-13 ta’ Frar li għadda, Ħamrun kienu għelbu lil Birkirkara 2-0 b’doppjeta ta’ Dodo.