Futbol Sport

Inter jibdew jiddefendu t-titlu bl-aqwa mod

(Ritratt: EPA)

Inter bdew jiddefendu t-titlu bl-aqwa mod possibli meta għelbu lil Genoa 4-0. Milan Skriniar fetaħ l-iskor wara sitt minuti biex tmien minuti wara, kien l-eks player ta’ Milan Hakan Calhanoglu li kkonkluda għal 2-0. Inter komplew jiddominaw fit-tieni taqsima u kien Arturo Vidal li fl-74 minuta għamilhom 3-0 biex tliet minuti mit-tmiem kien id-debuttant Edin Dzeko li skorja r-raba’ gowl.

Atalanta bdew l-istaġun b’rebħa meta għelbu lil Torino 2-1 barra minn darhom. Luis Muriel fetaħ l-iskor wara sitt minuti filwaqt li Andrea Belott ġab l-iskor indaqs fid-79 minuta. Bil-partita tidher destinata għal draw kien Roberto Piccoli li skorja l-gowl tar-rebħa għal Atalanta fit-93 minuta.

Lazio wkoll bdew rebħa meta għelbu 3-1 lil Empoli. Filippo Badinelli fetaħ l-iskor għal Empoli wara erba’ minuta. Sergej Milinkovic – Savic ġab l-iskor indaqs żewġ minuti wara. Manuel Lazzari poġġa lil Lazio fil-vantaġġ fil-31 mintua biex għaxar minuti wara, Ciro Immobile permezz ta’ penalty għamel l-iskor 3-1.

Sassuolo kisbu rebħa drammatika f’partita li offriet ħames gowls meta għelbu lil Verona 3-2. Giacomo Raspadori fetaħ l-iskor wara 32 minuta. Verona sfaw jilagħbu bi player anqas meta tkeċċa Miguel Veloso qabel tmiem l-ewwel taqsima. Filip Djuricic rdoppja għal Sassuolo fil-51 minuta. Verona naqsu l-iskor permezz ta’ penalty ta’ Mattia Zaccagni biex Hamed Traore fetaħ vantaġġ doppju għal darb’oħra għal Sassuolo. Fid-90 minuta, Zaccagni għamel l-iskor finali 3-2.

SERIE A
Illum:
Inter v Genoa 4-0, Verona v Sassuolo 2-3, Empoli v Lazio 1-3, Torino v Atalanta 1-2 Għada: Bologna v Salernitana 6.30pm, Udinese v Juventus 6.30pm, Napoli v Venezia 8.45pm, Roma v Fiorentina 8.45pm It-Tnejn: Cagliari v Spezia 6.30pm, Sampdoria v Milan 8.45pm