Lokali

“Irtiraw is-sejħa għall-yacht marina u itolbu skuża” – residenti Skalin

“Ninsabu disgustati b’din il-proposta sigrieta li qed issir għal persuni li jridu jirrovinaw lir-raħal ta’ Marsaskala.”

Kienet din id-dikjarazzjoni ta’ Moviment Graffitti u għaqdiet Skalin dwar il-proġett massiċċ pjanat mill-Gvern tal-yacht marina… Konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew għexieren ta’ persuni biex isemmgħu leħinhom… proġett li ħafna qed iqisuh bħala wieħed li se jieħu l-identità ta’ dan il-villaġġ pittoresk filwaqt li se jkun qed joħloq ħafna problemi.

Fosthom… l-għoli tal-ħajja, it-tniġġiż tal-baħar u tal-arja, problemi ta’ parkeġġ, u t-tneħħija tal-bajja.

Marianne Teuma, residenta, esprimiet magħna kif dan il-proġett se jkun qed jaffetwa mhux biss lir-residenti iżda wkoll lill-poplu kollu u saħansitra lil ġenerazzjonijiet futuri.

Kien hawnhekk fejn il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, John Baptist Camilleri saħaq li r-residenti se jibqgħu jiddefendu r-raħal tagħhom sal-aħħar biex jassiguraw li ma jittiħidx l-aċċess tal-baħar għall-pubbliku.

Andre Callus minn Moviment Graffitti, qal li jekk Transport Malta u l-Ministru Ian Borg ma jirtirawx is-sejħa għal kull tip ta’ pjan fir-rigward tal-yacht marina, huma se jkunu qed isejħu għal protesta nhar il-Ġimgħa li ġej.

Ir-residenti talbu lill-Gvern biex jagħtihom widen u jisma’ l-karba tagħhom. Dan meta qed jaraw li Marsaskala qed issir biss blokka konkos… proġett ieħor li se jħalli implikazzjonijiet soċjali u ambjentali diżastrużi.

Ritratti: Martin Agius