Sport Waterpolo

Jasal is-27 kampjonat għal Neptunes u d-disa’ wieħed fl-aħħar 12-il sena … Alan Borg Cole strumentali fil-lasta

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES………………………… 10

SAN ĠILJAN MERCURY…….. 6

(2-1), (4-3), (1-2), (3-0)

It-telfa ta’ fost il-ġimgħa kontra Sliema, nisslet dubji fost uħud mid-dilettanti li Neptunes setgħu jirbħu l-kampjonat. Iżda b’wirja mill-aqwa, bl-għajnuna kbira tal-gowlkiper Alan Borg Cole, Neptunes għelbu lil San Ġiljan 10-6 u kisbu d-disa’ kampjonat fl-aħħar 12-il sena.

San Ġiljan reġgħu naqsu li jegħlbu lil Neptunes għat-tieni darba f’dan il-kampjonat. Il-fatt li qatt ma kienu minn fuq kien detrimentali filwaqt li żgur ħassew lil Andreas Galea li lagħab biss nofs logħba. Issa jħarsu lejn in-knock-out biex jippruvaw isalvaw l-istaġun.

Bidu tajjeb minn Neptunes li kisbu vantaġġ doppju, b’Matthew Zammit inaqqas id-distakk qabel tmiem l-ewwel sessjoni. San Ġiljan irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs għal 3-3 b’gowls ta’ Ben Plumpton u Matthew Zammit. Jordan Camilleri u Alec Fenech reġgħu taw vantaġġ doppju lil Neptunes, biż-żagħżugħ Fenech jerġa’ jiskorja wara l-gowl ta’ Mattias Ortoleva. San Ġiljan sofrew daqqa ta’ ħarta fit-tieni sessjoni meta Andreas Galea ġie fouled-out.

Il-Ġiljaniżi baqgħu jemmnu li setgħu jirkupraw u rebħu t-tielet sessjoni, b’Plumpton u Dino Zammit jiskorjaw filwaqt li Stevie Camilleri skorja bejniethom minn penalty. Kollox kellu jkun deċiż fl-aħħar sessjoni. San Ġiljan baqgħu jippruvaw iġibu d-draw u f’mumenti minnhom Neptunes donnhom bdew isibuha diffiċli biex ikunu perikolużi.

It-8-6 ta’ Stevie Camilleri eżatt fi tmiem il-pussess witta t-triq għar-rebħa. San Ġiljan tilfu lil Matthew  Id-daqqa mortali lill-Ġiljaniżi ta Jake Muscat b’xutt li għeleb lil Ryan Coleiro, biż-żagħżugħ Max Farrugia jissiġilla r-rebħa fl-aħħar sekondi.

Ċelebrazzjonijiet mistħoqqa u kif mistenni mill-plejers ta’ Neptunes li sfortunatament kellhom jiċċelebraw bejniethom minħabba n-nuqqas ta’ partitarji fil-Pixxina Nazzjonali. Il-captain Stevie Camilleri rċieva l-unur mingħand ir-rappreżentant tal-BOV Stefan Abela, f’dak li kien l-ewwel kampjonat għalih bħala captain.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), L. Calleja, G. Pace (1), M. Castillo, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (2), J. Camilleri (1), J. Abela, M. Spiteri Staines (1), A. Fenech (2), S. Gialanze, A. Bugeja, M. Farrugia (1), R. Galea

San Ġiljan: R. Coleiro, D. Zahra, A. Galea, D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (2), B. Plumpton (2), J. Bonavia, D. Ciantar, Da. Zammit, K. Galea, Di. Zammit (1), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Tully

Referees: Alex de Raffaele, Alessandro Roberty