38 NGO talbu għal bidliet radikali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hekk kif jinsabu mħassba dwar is-sitwazzjoni kurrenti u n-nuqqas ta’ trasparenza fit-tmexxija tal-ħabs, fosthom preżentaw fost l-oħrajn il-proposta li jinħoloq Ombudsman għall-ħabs u għall-funzjoniijiet kollha li għandha taqdi l-Faċilità.
Fl-istqarrija ntqal li hemm tħassib kbir wara l-ammont ta’ mwiet fil-ħabs u kif ukoll in-nuqqas ta’ rieda mill-Gvern biex fil-Faċilità jkunu introdotti miżuri moderni u effettivi li jkunu tassew qed jgħinu lill-persuna jirriforma ruħu.
Intqal li jeħtieġ li jkun hemm ħsieb ġdid fuq il-moniteraġġ tal-ħabs u kif ukoll dwar l-kamra tal-iżolament.
Kien aċċenn ukoll li jeħtieġ li jkun hemm miżuri li jħarsu s-saħħa, is-sigurtà u l-beneserri tal-ħabsin.
Huma nsistew li għandu jkun hemm tmexxija tajba fit-tmun ta’ din l-istituzzjoni u saħqu li hemm esperti f’dan il-qasam li jistgħu jikkontribwixxu biex jieħdu din l-istituzzjoni għal livell ieħor.
Huma komplew li l-faċilità ta’ riabilitazzjoni u mhux ta’ vendikazzjoni. L-appell issokta biex ir-riforma li jeħtieġ li ssir, issir illum qabel għada, riformi radikali li jagħtu prijorità lid-dinjità tal-priġunieri, tal-familji tagħhom u tal-vittmi.
Fl-aħħar jiem kien hemm appelli minn għadd ta’ għaqdiet fosthom ukoll li jkunu pprovduti trattamenti xierqa lill-vittmi tad-droga ‘l bogħod mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar jiem jappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni mill-aktar fis, u jara l-proposti tal-PN u kif ukoll dawk ta’ diversi esperti fis-settur, dwar riforma li hija tant u tant meħtieġa fil-ħabs.
//= $special ?>