Fl-aħħar ġimgħat innutajna żieda qawwija fil-popolarità u fl-użu tal-iscooters tal-elettriku madwar Malta u Għawdex, b’mod partikolari fl-akwati ta’ Bugibba, San Ġiljan u tas-Sliema.
Huwa fatt, li dawn l-iscooters, f’termini ta’ tniġġis tal-arja, huma mezz ta’ trasport aħjar minn vetturi oħrajn li jużaw il-fuel biex jaħdmu. Madanakollu xorta qed tinħoloq kontroversja dwar il-mod kif qed jinstaqu, il-mod ta’ kif qed jitħallew fit-toroq u anke n-nuqqas ta’ għarfien dwarhom.
Sakemm persuna ma tkunx xtrat l-iscooter, is-sistema ta’ kif persuna tagħmel użu mill-iscooters tal-elettriku tal-kiri hija permezz ta’ app fuq il-mobile li permezz tagħha tkun tista’ taċċessa l-istess scooter. Fl-istess waqt, din l-app turik fejn tkun l-iktar scooter viċin tiegħek.
L-electric scooters huma regolati minn Transport Malta u għalhekk għalihom hemm regolamenti tat-triq simili għal dawk ta’ vetturi oħrajn, fosthom li għalihom trid polza ta’ assigurazzjoni, bid-differenza li dawn l-iscooters jistgħu jinstaqu prattikament kullimkien inkluż fuq il-bankini, iżda jridu jsegwu r-regolamenti tat-traffiku meta fit-toroq. Ma jistgħux pero jinstaqu f’tunnels jew f’toroq arterjali.
Waħda mir-regoli tgħid li biex persuna ssuq dawn l-iscooters, jrid ikollha ‘l fuq minn 16-il sena kif ukoll liċenzja tas-sewqan. Ma tistax tkun iktar minn persuna waħda fuq scooter u trid issuq dejjem fuq ix-xellug. Ma tistax issuq b’veloċità ta’ aktar minn 20Km fis siegħa fit-toroq u mhux aktar minn 10km fis-siegħa meta tkun f’żoni pedonali.
Fejn jidħlu l-iscooters tal-kiri, matul il-lejl jinġabru l-iscooters li ma jitħallewx fil-parking allokat għalihom, jiġu ċċarġjati u jittieħdu lura f’dawk imsejjħa docking stations. Ir-regolamentazzjoni tgħid li l-electric scooters jistgħu jiġu pparkjati kullimkien, u f’kull ħin, mingħajr ma jagħlqu aċċess għal persuni jew karozzi, iżda mhux kontra l-liġi li jitħallew il-bogħod minn parking bays, fuq il-bankini jew żoni oħrajn sakemm jibqa’ aċċess għall-pubbliku.
//= $special ?>