Futbol Sport

Liverpool jegħlbu l-isfida ta’ Burnley

(Ritratt: EPA)

Liverpool komplew il-bidu għall-kampjonat tal-Premier fuq nota pożittiva bit-tieni rebħa konsekuttiva – din id-darba għall-ispejjeż ta’ Burnley – f’Anfield Road.
Filwaqt li Burnley kienu perikolużi għal ħafna ħinijiet u anki kellhom gowl imħassar għal offside marġinali, ir-Reds kienu superjuri f’termini ta’ kwalità bil-captain Jordan Henderson jirritorna fit-tim u bil-midfielder adolexxenti Harvey Elliott jimpressjona wara li kien inkluż mal-ewwel ħdax għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Il-Clarets marru viċin li jiżblokkaw ir-riżultat fl-ewwel ħinijiet meta Dwight McNeil laqat il-wieqfa, iżda kienu Liverpool li sabu x-xibka fit-18-il minuta meta Diogo JOTA għeleb lill-gowlkiper Pope bir-ras fuq il-kross perfett ta’ Konstantinos Tsimikas. Ftit minuti wara, Mo Salah kellu gowl imħassar għall-offside b’Liverpool jidħlu jistrieħu bil-vantaġġ minimu.
Fil-bidu tat-tieni taqsima. Ashley Barnes ra l-‘gowl’ tiegħu mħassar għal offside, b’Liverpool jissiġillaw il-punti fid-69 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Sadio MANE fuq is-suġġeriment ta’ Trent Alexander-Arnold.
Qabel din il-logħba, il-partitarji f’Anfield ingħaqdu f’minuta applawż b’rispett għall-partitarju ta’ Liverpool, Andrew Devine, li hu s-97 vittma tat-traġedja ta’ Hillsborough.

Iċ-Champions Ingliżi Manchester City pattew għad-disfatta tal-ewwel jum b’rebħa kbira, 5-0, fuq in-neopromossi Norwich City fl-Etihad Stadium. Is-Citizens fetħu vantaġġ doppju sal-mistrieħ b’awtogol ta’ Krul ( fuq clearance ħażin ta’ Hanley) (7) u bit-tieni gowl jasal minn Jack GREALISH (22) li għadu kemm ingħaqad ma’ City għall-prezz ta’ 100 miljun Sterlina. It-tieni taqsima kienet prattikament mingħajr storja, b’City iżidu tliet gowls oħra minn LAPORTE (64), STERLING (71) u s-sostitut MAHREZ (84). Ir-riżultat ifisser li Norwich huma diġà ankrati f’qigħ il-Premier League bl-ebda punt u wara li huma qalgħu tmien gowls fl-ewwel żewġ konfronti tal-istaġun.

Il-konfront f’Selhurst Park bejn Crystal Palace u Brentford spiċċa fi draw mingħajr gowls, għalkemm l-Eagles kellhom l-aħjar opportunitajiet, b’Conor Gallagher jolqot sieq il-lasta kmieni fil-logħba.James McArthur ukoll mar qrib għal Palace wara l-mistrieħ waqt li Brentford kellhom opportunità biex jiksbu t-tliet punti meta l-freekick ta’ Bryan Mbeumo stampa mal-mimduda.

Danny INGS skorja gowl mill-isbaħ fid-debutt tiegħu għal Aston Villa, bil-Villains jiksbu rebħa meritata fuq Newcastle United biex pattew għat-telfa tal-ewwel ġurnata ma’ Watford. Il-volley – jew aħjar bicycle kick – ta’ Ings wasal fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima meta daħal għal flick-on ta’ Tyrone Mings u ma ta l-ebda ċans lill- Freddie Woodman fil-lasta tal-Geordies. Villa komplew fejn ħallew fit-tieni taqsima u rduppjaw mill-penalty ta’ Anwar EL-GHAZI, wara l-konferma tal-VAR u wara li Jamaal Lascelles deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Intant, il-VAR annulla d-deċiżjoni tar-referi, David Coote, biex jagħti penalty lil Newcastle wara li kien deċiż li l-attakkant tal-Geordies Callum Wilson kien qiegħed f’pożizzjoni ta’ offside.

Leeds United u Everton ħadu punt kull wieħed fi draw kumbattut, 2-2, f’Elland Road. Everton marru fil-vantaġġ man-nofs-siegħa grazzi għall-penalty konvertit minn Dominic CALVERT-LEWIN, b’Leeds iġibu d-dro ftit qabel il-mistrieħ bix-xutt fil-baxx ta’ Mateusz KLICH. Intant, fit-tieni taqsima, Everton għamluhom 2-1 meta Damarai GRAY (50) mill-ġdid għeleb lil Illan Meslier b’xutt bid-dawwra. Madankollu, l-attakkant Brażiljan RAPHINHA (72) salva l-ewwel punt tal-istaġun għall-Yorkshiremen b’xutt preċiż għall-angolu.

PREMIER LEAGUE: Illum: Liverpool v Burnley 2-0, Aston Villa v Newcastle 2-0, C. Palace v Brentford 0-0 Leeds v Everton 2-2, Man City v Norwich 5-0, Brighton v Watford 2-0 Għada: Southampton v Man Utd 3.00pm, Wolves v Tottenham 3.00pm, Arsenal v Chelsea 5.30pm It-Tnejn: West Ham v Leicester 9.00pm