Sport Waterpolo

Marsaskala jiksbu żewġ rebħiet fi ftit jiem u jispiċċaw punti ndaqs ma’ Valletta u Birżebbuġa

(Ritratt: Joseph Galea)

VALLETTA IZIBET……..…….………. 9

M’SKALA FISH AND FISH……… 11

(2-3), (1-2), (2-3), (4-3)

Dak li deher kważi impossibbli ftit jiem ilu seħħ. Fir-ritorn tagħhom fil-Kampjonat Premier wara 18-il sena, Marsaskala Fish and Fish temmew il-kampjonat b’sitt punti u ndaqs ma’ żewġ timijiet. F’erbat ijiem għelbu lil Birżebbuġa Freeport u Valletta Izibet b’wirjiet mill-aqwa. F’dawn il-logħbiet ħareġ is-sens ta’ għaqda li l-kowċ Arpad Babay irnexxielu jnissel fit-tim. Minkejja l-merti ta’ Marsaskala, Valletta għandhom għaliex jitfgħu l-ħtija fuqhom hekk kif bdew jilagħbu fl-aħħar sessjoni u nofs meta l-logħba kienet diġà kważi mitlufa.

Marsaskala bnew vantaġġ ta’ 3-1 fl-ewwel sessjoni. Nikolai Zammit naqqas id-distakk minn man-up u Niki Lanzon ġab id-draw fit-tieni sessjoni b’lob delizzjuż. Iżda doppjetta ta’ Gerald Sammut għenet lil Marsaskala jibdew it-tielet sessjoni 5-3 minn fuq.

Il-vantaġġ tal-Iskalin kiber għal 8-3 fit-tielet sessjoni u dan id-distakk donnu qajjem lil Valletta. Gowls mill-aħwa Nikolai u Miguel Zammit naqqsu d-distakk għal tliet gowls. Dan id-distakk kompla jitnaqqar fl-aħħar sessjoni b’Nikolai Zammit jiskorja doppjetta fil-bidu tas-sessjoni għal 8-7. Madankollu Valletta qatt ma rnexxielhom iġibu d-draw għaliex Marsaskala rduppjaw il-vantaġġ f’żewġ okkażjonijiet. Kien Gerald Sammut fl-aħħar minuta li għalaq il-logħba b’gowl minn pożizzjoni ċentrali.

Valletta: T. Micallef, P. Borg, E. Aquilina (1), M. Stellini, A. Agius, R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, N. Zammit (6), M. Zammit (1), N. Lanzon (1), R. Sciortino, K. Tanti, M. Mannino

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, P. Privitera (1), G. Sammut (4), L. Grixti, K. Navarro (1), M. Manara (2), S. Micallef (1), L. Felice, J. Ciantar (1), M. Carani (1), A. Muscat, G. Galea, D. Camilleri

Referees: Ronnie Spiteri, Alessandro Roberty