Kontinwità – kelma li smajna lil Robert Abela jgħid kemm ‘il darba – il-wegħda tiegħu li jkompli fuq dak li għamel il-Prim Ministru ta’ qablu Joseph Muscat.
Minkejja li Joseph Muscat ingħata t-titlu tal-‘Korrot tas-Sena 2019’, minkejja l-allegazzjonijiet serjissimi fil-konfront ta’ Kastilja, minkejja l-konklużjoni iebsa tal-Inkjesta Pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, minkejja l-greylisting tal-FATF, u minkejja ħafna iktar, Robert Abela xorta qed jibqa’ jagħżel li jżomm l-istess riċetta ta’ Muscat. U min meta Robert Abela sar Prim Ministru, ħafna komplew jistaqsu għalfejn Abela qed jibqa’ mwaħħal ma’ Muscat.
L-aħħar intervista li Joseph Muscat ta lit-Times, jista’ jkun li xeħtet dawl fuq ir-raġuni għalfejn Robert Abela qed jagħżel li jibqa’ ma jiċħadx lil ta’ qablu. Filfatt, Joseph Muscat ikkonferma li waqt il-kampanja tal-mexxej Laburista, il-mara tiegħu, Michelle Muscat ħadmet biex jirbaħ Robert Abela. Din hija xi ħaġa li d-Deputati u l-Ministri tal-Labour kienu jafu, fattur li minkejja li aħna sirna nafuh issa, ilu joħloq qasma fil-Partit Laburista sa min meta laħaq Robert Abela fit-tmun. Wieħed jinnota kif wara li ħarġu skandli dwar ċerti Ministri u Segretarji Parlamentari, Robert Abela neħħa mill-Kabinett tiegħu biss lil persuni li qatt ma kienu qrib Joseph Muscat iżda għadu jiddefendi oħrajn li kienu qrib l-eks Prim Ministru.
Ħafna qed jistaqsu, jekk din il-qasma u l-kriżi li qed tolqot lill-Partit Laburista, kienetx ir-raġuni għala Joseph Muscat reġa’ rritorna fil-pubbliku b’din l-aħħar intervista. Jista’ jagħti l-każ li l-kontinwità tal-legat ta’ Muscat, li tant ħadmet għaliha Michelle Muscat, tinsab f’riskju bil-qasma li hemm fil-Labour u dan ir-ritorn tal-eks Prim Ministru qed jitqies minn ħafna bħala tfakkira li Joseph Muscat għadu fil-kontroll.
//= $special ?>