Kampjonat Premier | It-Tieni Ġurnata
ILLEJLA FIS-7PM, TONY BEZZINA STADIUM | Valletta kontra Balzan
Tnejn mit-timijiet li kellhom tluq tajjeb fil-Kampjonat Premier, b’rebħa fl-ewwel ġurnata tal-Kampjonat, Valletta u Balzan, se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin f’waħda miż-żewġ partiti tal-lejla. Valletta kellhom debutt ta’ staġun mill-aktar ewforiku, b’rebħa ta’ 2-1 kontra ċ-champions, Hamrun Spartans Football Club filwaqt li Balzan, taħt it-tmexxija tal-kowċ Mark Miller, kisbu rebħa drammatika kontra Sliema Wanderers FC, b’gowl waħdini skorjat fit-93 minuta.
Qabel il-kick-off ta’ din il-logħba, wieħed jista’ jpoġġi lil Valletta aktar favoriti minn Balzan, iżda l-impressjoni hi li Balzan ta’ din is-sena, qed jilgħabu b’anqas pressjoni minn staġuni oħra preċidenti, u dan il-fatt jista’ jwassal għal riżultati pożittivi u li jikkuntrastaw minn dawk li kisbu fil-Kampjonat Premier tal-istaġun li għadda.
Kontra Sliema, Balzan kellhom nuqqas ta’ pussess tal-ballun f’saqajhom, tant li l-istatisika finali uriet li huma gawdew sa massimu ta’ madwar 39% tal-kontrol tal-ballun għalkemm finalment xorta rebħu l-partita. Valletta, kellhom 48% tal-pusses tal-ballun kontra Ħamrun; perċentwal li jista’ jitqis tajjeb ħafna meta wieħed jikkonsidra l-kwalitá tal-avversarji li lagħbu kontra tagħhom, iżda fuq kollox l-istil ta’ logħba li huma jilgħabu.
Interessanti l-fatt li Balzan, bil-mod ta’ kif aġixxew fl-aħħar partita, huma għażlu li jadottaw partita b’serje ta’ passaġġi fit-tul, tant li f’termini ta’ metri, il-medja ta’ tul tal-passaġġi tagħhom, kienet it-tieni l-itwal minn fost it-tnax-il tim ta-Kampjonat Premier, fl-ewwel ġurnata; 20.6 metri, b’Hibernians ikollhom l-itwal distanza f’metri fil-passaġġi tagħhom, dik ta’ 21.7 metri. Dan il-fatt jista’ jagħti għarfien u ħjiel tal-istil ta’ logħba li Miller qed jagħżel li jilgħab, bin-nukleju ta’ plejers fl-iskwadra ta’ Balzan dan l-istaġun, b’ħafna passaġġi fit-tul u kultant verkaliżżat; stil li saħansitra jista’ jikkonċentra akar fuq azzjonijiet ta’ kontrattakk u fejn ikun hemm attenzjoni diretta fuq ċertu plejers individwali fil-fażi offensiva. Fil-fatt, l-istatisika turi biċ-ċar li l-maġġoranza tal-azzjonijiet ta’ Balzan kienu kkonċentrati lejn in-nofs, bil-kumplament kienu bil-wisq aktar fuq il-lemin milli fuq ix-xellug.
Fil-każ ta’ Valletta, il-konċentrazzjoni fil-fażi ta’ attakk, kienet l-aktar fuq il-lemin, fejn kien hemm l-akkwist il-ġdid Caio Prado, kif ukoll Lucas Campos, b’dan tal-aħħar daħal bħala sostitut fit-tieni taqsima. B’Mario Fontanella f’forma tajba fl-ewwel logħba tal-Kampjonat, tant li skorja żewġ gowls fir-rebħa ta’ 2-1 kontra Ħamrun, u l-midfielder offensiv Kroat ta’ 31 sena, Ivan Ćurjurić, iħalli impressjoni tajba fl-ewwel logħba tiegħu fil-Kampjonat Malti, wieħed diġa’ jista’ jara sinjali tajba u b’saħħithom għal Valletta, li kapaċi jwassluhom biex ikollhom staġun bil-wisq aħjar minn dak li għadda.
Wieħed irid jirrimarka l-fatt li fl-aħħar ħames partiti bejn dawn it-tnejn; erbgħa tal-Kampjonat u logħba oħra li kienet valida mill-finali tas-Super Cup, Valletta rebħu dejjem kontra Balzan. L-aħħar dwell bejn it-tnejn intemm 1-0, bil-Beltin jirbħu b’gowl minn penalty li kien skorjat minn Miguel Angel Alba.