Lokali

AĠĠORNATA: Raġel arrestat b’rabta ma’ argument li seħħ fi Triq il-Wied B’Kara

Matul il-lejl ġie arrestat raġel ta’ 30 sena minn Ħal Qormi b’rabta ma’ feriment li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija fi Triq il-Wied, Birkirkara. Huwa qed jinżamm fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.

F’dan l-inċident raġel ta’ 27 sena mill-Imsida sofra ġrieħi kkawżati minn arma taqta’ u bil-ponta waqt argument. L-aggressur ħarab minn fuq il-post iżda nstab ftit tal-ħin wara mill-Pulizija.

Ir-raġel kien aggredit għall-ħabta tas-19.30 waqt arguemnt fejn irriżulta li l-vittma qala’ daqqiet ta’ sikkina waqt li kien fuq il-bankina ħdejn it-traffic lights u minn hemm, hu pprova jaħrab tant li mexa, ferut, għal diversi metri sakemm storda u waqa’ mal-art.

Nies fil-post ċemplu immedjatament lill-Pulizija, filwaqt li fil-post wasal ukoll tim mediku b’ambulanza. Il-vittma ngħata l-ewwel għajnuna qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard huwa ġie ċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Kawża ta’ dan l-inċident, din il-parti ta’ Triq il-Wied kellha tingħalaq għal xi ħin.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq li ħatar inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja b’aktar investigazzjonijiet.

Tags