Lokali

Aktar għadab għal dak li qed jiġri fil-ħabs

Tkompli tiżdied il-lista tal-fallimenti mill-amministrazzjoni Laburista, hekk kif din il-ġimgħa, fil-Ħabs kien hemm mewta oħra kawża tan-negleġenzza u l-inkompetenza tad-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli u l-Ministru Byron Camilleri.

Din l-aħħar mewta fil-Ħabs ġabet magħha diversi reazzjonijiet, fosthom ta’ Reuben Attard li nġabar fi protesta siekta quddiem il-Parlament kontra l-inġustizzji fil-Ħabs ta’ Kordin.

Fl-aħħar jiem NET News żvela diversi atti inaċċettabli li qed iseħħu fil-Ħabs, fosthom mid-Direttur Alex Dalli, li allegatament qed jiġri fil-kurituri tal-Ħabs armat b’revolver u jqatta’ l-ġurnata jispara bl-airgun fuq il-ħamiem u t-twieqi tal-priġunieri.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Byron Camilleri – kif qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern Beppe Fenech Adami – hu tant maqtugħ mir-realtà li m’għandux idea x’inhu jiġri fil-Ħabs, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu.