Ħassejt li bejn xirja oħra, minkejja li bejn wieħed u ieħor xtrajt l-istess affarijiet, il-kont ġie għola … anke jekk bejn ix-xirjiet għaddew biss ftit ġimgħat?
Dan bir-raġun … u żgur li mintix timmaġina. U dan kollu kien ikkonferma mill-gazzetta tal-General Workers Union, It-Torċa, li qabblet żewġ xirjiet identiċi, bi ftit mill-prodotti żammew l-istess prezz, iżda fil-maġġoranza tagħhom raw żieda fil-prezz.
U minkejja li wieħed jara biss żieda ta’ ftit ċenteżmi fuq prodott wieħed, meta tgħaqqad dawn il-prodotti f’xirja waħda … li wara kollox mhix se sservik għal ħafna jiem … tara żieda sew fl-ispiża.
Fil-fatt, din ix-xirja żdiedet b’€2.26ċ, jiġifieri żieda ta’ 3.5%.
Mill-lista ta’ prodotti f’din ix-xirja partikolari li saret minn familja, wieħed mill-prodotti saħansitra kellu żieda ta’ 83 ċenteżmu … jiġifieri żieda ta’ aktar minn 30%.
Anke stħarriġ li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonferma li l-ħajja qed togħla, partikolarment il-prezzijiet tal-ikel u x-xorb, ristoranti, apparat domestiku u servizzi tat-trasport.
U biex ikompli jintefa’ l-melħ fuq il-ferita, il-problema tal-paga minima mhix tgħin. Dan hekk kif il-paga li qed jaqilgħu qed iqisuha bħala waħda miżera għax mhux jirnexxilhom ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kull xahar.