Lokali

Donazzjoni ta’ €10,000 lill-parroċċa mir-reffiegħa Imġarrin

Sena oħra fejn it-tradizzjoni annwali tal-offerta mir-reffiegħa Imġarrin kellha titħassar, hekk kif il-festi kollha ġew ridotti fid-dawl tal-pandemija, iżda l-istess reffiegħa ddeċiedew li xorta jgħinu lill-Parroċċa tant għal qalbhom billi jagħtu donazzjoni ta’ €10,000.

Id-donazzjoni saret fil-Knisja tal-Imġarr, iddedikata lil Santa Marija, propju wara t-Tqarbin, minn tnejn mir-reffiegħa.

NET News tkellem ma’ wieħed mid-donaturi, Wistin Vella, li qalilna li ħass li flimkien ma’ oħrajn kellu jgħin lill-Parroċċa, propju fl-okkażjoni tal-100 sena tal-vara titulari.

L-Imġarr ilhom iżommu t-tradizzjoni unika fil-Festa ta’ Santa Marija, tradizzjoni li tmur lura għal Awwissu tal-1923 u li ssoltu sseħħ mat-tokki ta’ nofsinhar ta’ Jum il-Festa quddiem folla enormi.

Is-somma mogħtija mistennija li tmur kemm f’għajnuna għal dawk fil-bżonn u anke għal aspetti oħrajn tal-ħidma pastorali, bħall-manutenzjoni tal-Knisja kif ukoll biex jittaffew xi spejjeż.

Ritratti: Martin Agius