Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti wkoll kas l-ekonomija tal-individwu – Bernard Grech

Għax jemmen li l-persuna għandha tkun fiċ-ċentru tal-politika, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jagħti kas l-ekonomija tal-individwu daqskemm l-ekonomija tal-pajjiż. Dan fid-dawl tal-isfidi dejjem jikbru li qed iġġib magħha l-għoli tal-ħajja għall-anzjani daqskemm għaż-żgħażagħ.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li intervista telefonika fuq NET FM. Matulha kienu trattati diversi temi, fosthom il-ħtieġa li l-pajjiż jara li anke min ikun qed jiskonta xi sentenza fil-Ħabs, ikollu d-dinjità li tixraqlu. Dan hekk kif qed nisimgħu b’aktar stejjer li juru kemm qed isir dejjem aktar importanti li għandha tfittex issir ir-riforma meħtieġa f’din il-Faċilità.

Hu fakkar kif, għax hu proattiv, il-Partit Nazzjonalista ħareġ bi proposti biex titjieb is-sitwazzjoni fil-Ħabs. B’hekk, il-priġunier ikun jista’ jiskonta s-sentenza tiegħu u jkun riformat, filwaqt li s-soċjetà sserraħ rasha li min jiżbalja, jista’ jirrijabilita ruħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, min-naħa l-oħra, għandna lill-Prim Ministru li qed jagħżel l-interess tal-ħbieb aktar milli l-interessi nazzjonali. U dan fost l-oħrajn billi ma jistax jieħu pożizzjoni fil-konfront tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, daqskemm ta’ pedini fil-Gvern ta’ Muscat bħal Edward Zammit Lewis. Mhux ta’ b’xejn li qed jagħmel minn kollox biex jibqa’ jaġixxi ta’ kontinwità għal Joseph Muscat.

Dwar l-eks Prim Ministru, qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed joħroġ ċar kemm l-istorja tat raġun lill-Partit Nazzjonalista, li ilu jikkritika l-politika ta’ Muscat sa minn qabel ma ġie elett bħala Prim Ministru. Bernard Grech ċaħad li kellu kopja tar-Rapport tal-Inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qabel ma kien ippubblikat, kif allega l-eks Prim Ministru.

Kompla li Robert Abela m’għandux għażla oħra ħlief li jibqa’ jipproteġi lil Muscat u sħabu, kif ukoll li kemm idum jagħmel dan, huma se jibqgħu mażżra ma’ għonq Malta. Dan meta Abela għadu ma fehemx li minn meta isem il-politiċi Laburisti ħarġu fil-Panama Papers, tkissret ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. U għal dan, jaħtu biss il-Gvern ta’ Muscat u l-kontinwità ta’ Abela.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-Bord li nħoloq riċentament fil-Partit biex ikunu indirizzati l-inġustizzji li saru fil-passat, kif ukoll dwar l-isfidi li qed iġib miegħu t-tibdil fil-klima, fejn qal li hu importanti li nħarsu lejn din is-sitwazzjoni b’mod realistiku. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed itella’ Konferenza Nazzjonali, li tara li dawn l-isfidi jkunu indirizzati mil-lum. Dan meta għandna Gvern li, b’mod evidenti, mhux jieħu din is-sitwazzjoni bis-serjetà li jixirqilha.

U dwar l-intenzjoni tal-Gvern li jitfa’ marina privata fil-Bajja pittoreska ta’ Marsaskala, Bernard Grech qal li, filwaqt li jaqbel li l-pajjiż ikompli jiżviluppa u jimxi ‘l quddiem, dan m’għandux isir għad-danni tal-individwu. U għalhekk, iħoss li dan il-proġett partikolari m’għandux isir u minflok, naraw li dawn il-postijiet jibqgħu jiġu kkonservati ħalli jitgawdew minn kulħadd.