Lokali

Il-PN iniedi Bord Kontra l-Inġustizzji fl-entitajiet tal-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista ħoloq Bord fi ħdanu li se jaħdem biex ikunu indirizzati l-inġustizzji li saru fil-passat fi ħdan l-entitajiet tal-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar dan matul l-intervista fuq NET FM, fejn spjega li dan il-Bord se jkun qed jara li min kien iddiskriminat, issir miegħu l-ġustizzja li jkun ilu jiġġieled għaliha.

Bernard Grech qal li b’dan l-eżerċizzju, il-Partit immexxi minnu qed jisma’ aktar, f’konferma li l-bniedem jinżamm fiċ-ċentru tal-politika. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista ma jridx jaħli żmien biex isolvi l-inġustizzji u jrid li jkollu l-informazzjoni ċara dwar l-inġustizzji.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ħtieġa ta’ dan il-Bord inħasset partikolarment fl-aħħar snin, bil-Partit jagħżel li minflok ma jibqa’ biss jisma’ t-tgergir, jara x’hemm bżonn isir. Għaldaqstant, hu stieden lil min iħoss li bata minn xi inġustizzja biex jagħmel kuntatt mal-Bord, fuq 2596 5283 jew b’email fuq nisimghu@pn.org.mt, ħalli jkun jista’ jippreżenta l-każ tiegħu.