Internazzjonali

Imut l-aħħar membru tad-duo Everly Brothers

Don Everly, l-aħħar membru tad-duo Everly Brothers li jibqgħu famużi bħala pijunieri tal-mużika rock ‘n roll, miet fid-dar tiegħu f’Nashville, fl-età ta’ 84 sena.

Is-sorsi infurmati kkonfermaw il-mewta ta’ Everly mal-Los Angeles Times iżda ma żvelawx il-kawża – b’numru kbir ta’ protagonisti fil-qasam tal-mużika, b’mod partikulari l-kantanti li kienu famużi matul is-sittinijiet, isellmu mill-ġdid lill-Everly Brothers bħala ‘elementi influwenti’ għall-karrieri tagħhom.

Don Everly u ħuh Phil għamlu suċċess kbir matul l-aħħar tas-snin ħamsin u l-bidu tas-sittinijiet b’diversi kanzunetti bħal Bye Bye Love, Walk Right Back, All I Have To Do Is Dream, Wake Up Little Susie u The Price of Love.

Dan id-duo kienu magħrufin madwar id-dinja għall-enfasi fuq l-armoniji tal-widna u fejn kienu influwenzaw anki ġganti tal-mużika bħall-gruppi Beach Boys u The Beatles.

L-aktar mument drammatiku fil-karriera tal-Everly Brothers seħħ fl-1973  waqt li Don u Phil kienu għaddejjin b’kunċert f’Kalifornja u meta Phil qabad u kisser il-kitarra waqt li ħabbar li ma riedx jifforma aktar parti mid-duo . Madankollu, Phil – li miet f’Jannar tal-2014  — kien żvela, wara, li hu kien irranġa r-relazzjonijiet personali ma’  ħuh Don.