Lokali

“Jekk il-liġijiet dwar l-iscooters ma jkunux infurzati qed nissograw fatalità”

“Mhumiex posthom fuq il-promenade.”
“Qed jintużaw b’mod perikoluż immens.”
“Jekk ma jsir xejn qed nissograw fatalità.”

Kienu dawn uħud mill-kummenti li saru dwar l-użu tal-iscooters tal-elettriku madwar Malta u Għawdex wara li Net News wera kif inhi eżatt is-sitwazzjoni ta’ dawn il-vetturi.

Dawn l-iscooters huma mezz kif pajjiżna jieħu nifs ġdid mit-tniġġis fl-arja kawża ta’ vetturi li jużaw il-fuel biex jaħdmu filwaqt li wieħed ikun jista’ jivjaġġa minn post għall-ieħor faċilment.

Iżda dawn l-istess scooters qed joħolqu kontroversja liema bħalha hekk kif fost l-oħrajn qed ikun innotat:

  1. Kif qed jinstaqu b’mod perikoluż kemm fuq il-bankini u anke fit-toroq;
  2. Qed jitħallew jiġru fin-nofs kemm fit-toroq u anke fuq il-bankini u;
  3. Hemm ftit li xejn għarfien dwarhom.

Ir-regolamentazzjonijiet jgħidu li l-electric scooters jistgħu jinstaqu prattikament kullimkien, inkluż fuq il-bankini, filwaqt li jiġu segwiti r-regolamenti tat-traffiku u jistgħu jiġu pparkjati kullimkien, u f’kull ħin, sakemm ma jagħlqux l-aċċess għal persuni jew karozzi.

Iżda jidhru li dawn ir-regolamenti, fost ħafna iktar, ftit li xejn jafuhom tant li ħafna qed isuquhom fid-direzzjoni opposta mitluba bil-liġi, qed itellgħu veloċità ferm iktar milli suppost, u qed iserpu madwar in-nies u l-karozzi b’mod perikoluż, fost l-oħrajn.

Dawn kollha qed ikunu innotati fid-dawl li minkejja li hemm ir-regolamenti fis-seħħ, l-awtoritajiet mhumiex jinfurzawhom, b’riskju għal ħafna inċidenti li faċilment jistgħu jiġu evitati.