Internazzjonali

L-Afganistan: L-Istati Uniti taħt pressjoni biex testendi l-evakwazzjonijiet ‘il hinn minn Awwissu

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qed jiffaċċja dejjem aktar pressjoni u kritika għad-deċiżjoni tiegħu biex jirtira lill-militar Amerikan mill-Afganistan– bir-riżultat li l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban setgħu javvanzaw u jokkupaw l-ibliet prinċipali tal-pajjiż. inkluża l-kapitali Kabul, fi kwistjoni ta’ jiem.

Intant, għexieren ta’ eluf ta’ nies għadhom qed jistennew biex jitilqu mill-Afganistan – f’ċirkustanzi ta’ paniku assolut – qabel id-deadline tal-31 ta’ Awwissu għall-ħruġ tas-suldati Amerikani mill-pajjiż.

Is-sitwazzjoni fetħet kapitlu ġdid ta’ inċertezza għar-reġjun kollha meta qed tiżviluppa kriżi akbar ta’ immigranti fost sinjali li l-militanti qed jirrikorru għall-istess miżuri brutali – li jinvolvi l-qtil arbitrarju ta’ ċivili – bħalma spikkaw fi żmien l-ewwel reġim Talibani fl-Afganistan, matul id-disgħinijiet.

Filwaqt li l-kriżi umana fl-Afganistan qed issir dejjem aktar akuta, l-Istati Uniti tinsab taħt pressjoni qalila biex testendi l-evakwazzjonijiet tan-nies – fosthom ċittadini tal-Punent u Afgani li għenu lill-qawwiet barranin f’pajjiżhom – ‘il hinn minn Awwissu. Dan meta għexieren ta’ eluf ta’ Afgani għadhom għaddejjin bi ġlieda ddisprata mal-ħin u l-loġistika biex jaħarbu mill-pajjiż, sempliċi jiem wara li l-Afganistan waqa’ mill-ġdid f’idejn it-Taliban.

Sadanittant, numru ta’ awtoritajiet barranin – fosthom kapijiet militari – qed jinsistu li kwalunkwe estensjoni għad-deadline tal-evakwazzjoni tan-nies mill-Afganistan għandha tgħin ‘bil-kbir’ biex issalva l-ħajja.

Min-naħa tiegħu, Josep Borrell, l-uffiċjal inkarigat mill-politika barranija tal-Unjoni Ewropea,  saħaq li għandha tkun ‘impossibbli’ għall-entitajiet ikkonċernati li jevakwaw lill-Afgani kollha bil-permessi għall-ivvjaġġar sal-31 ta’ Awwissu.

Intant, il-folol kbar ta’ nies iddisprati qed ikomplu jinġemgħu fil-periferiji tal-ajruport internazzjonali ta’ Hamid Karzai, f’Kabul, u fost rapporti li ‘mietu diversi nies’ fir-rassa u konfużjoni. Is-sitwazzjoni għal dawn in-nies saret dejjem aktar iddisprata u l-Istati Uniti qed twissi liċ-ċittadini tagħha biex jevitaw l-ajruport ta’ Kabul minħabba l-periklu u s-sitwazzjoni imprevedibbli.

Fl-aħħar sigħat kien żvelat li l-Istati Uniti tinsab inkwetata anki għall-possibbiltà ta’ attakki fuq dawk iz-zoni tal-ajruport minn militanti ( fl-Afganistan) b’rabtiet mal-moviment terroristiku ISIS.

Fi żviluppi oħra, sar magħruf li tjiebu l-isforzi għall-evakwazzjoni tal-Britanniċi u tal-Afgani ‘eliġibbli’ minn Kabul – b’ ‘il fuq minn 1,700 jiggwadanjaw minn ‘airlift’ speċifiku fl-aħħar 24 siegħa.

Sadanittant, il-kritika qed tiħrax għal Joe Biden, meta anki l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Tony Blair, akkuża lill-President Amerikana dwar negliġenza kbira minħabba d-deċiżjoni tiegħu biex jirtira lill-qawwiet Americani mill-Afganistan. Blair iddikkjara li d-deċiżoni ta’ Biden ibbażat fuq  ‘slogan imbeċilli’ intiż għall-waqfien tal-gwerrer li qegħdin jieħdu fit-tul.

Fl-istess ħin, Blair saħaq li l-Armata Brittanika m’għandiex tagħmel l-istess żbalji bħall-Amerikani li, bl-aġir tagħhom, ‘iggravaw il-kriżi tal-Afganistan’.

Tony Blair stqarr li l-Armata Brittanika m’għandhiex tkun evakwata sakemm in-nies li jridu jitilqu mill-Afganistan jingħataw l-għajnuna u kenn meħtieġ fiċ-ċirkustani.

Dan, skont hu, hu partikularment relevanti wara jiem ta’ terrur li fihom it-Talibani arrestaw ( u skont ir-rapporti anki qatlu) lill-Afgani li setgħu b’xi mod għenu lis-servizzi tal-Istati Uniti jew tan-Nazzjonijiet Uniti mill-aħħar tal-2001 — meta l-koalizzjoni multinazzjonali taħt it-tmexxija tal-Anerikani kienet keċċiet lill-ewwel reġim tat-Taliban mill-Afganistan.