Minkejja l-allegat involviment tiegħu fl-iżviluppi kollha li seħħew wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri għad għandu l-appoġġ tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat.
Dan ħareġ mit-tieni parti tal-intervista li l-gazzetta Times of Malta għamlet ma’ Muscat fil-jiem li għaddew … l-istess intervista li matulha Muscat ammetta li martu Michelle ħadmet favur Robert Abela fil-ġlieda għal-Leadership tal-Partit Laburista.
F’din it-tieni parti, intervistat minn Hermann Grech, Muscat appoġġja b’mod car liċ-Chief of Staff tiegħu u ddikjara li ma jista’ qatt jinqata’ minn miegħu. Mhux talli hekk, talli l-eks Prim Ministru saħansitra qal li Keith Schembri ħa deċiżjonijiet b’mod ġenwin.
Fil-fatt, minkejja l-informazzjoni kollha li qed toħroġ mill-Qorti u l-akkużi kollha li qed jiffaċċja Schembri, Muscat iddikjara li ma jistax jiġġuddikah. Barra minhekk, Muscat qal li, għamel x’għamel Keith Schembri, kien hu li ħallas il-prezz. Min-naħa l-oħra, l-eks Prim Ministru qal li dejjem kellu fiduċja fin-nies li ħatar.
Filwaqt li ddefenda l-progett tal-windfarms fil-Montenegro għax qal li ma jistax jifhem kif sehh dan l-iskandlu, l-eks Prim Ministru – li fl-2019 kien iddikjarat bħala l-aktar politiku korrott fid-dinja – ċaħad li ma riedx jieħu azzjoni kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi għax dawn kellhom xi informazzjoni dwaru.
//= $special ?>