Fi stqarrija li ħarġet mill-Partit Nazzjonalsita, kien innotat li f’intervista kkontrollata, Robert Abela naqas għal kollox milli jitkellem dwar Joseph Muscat li wissieh sabiex ma jdejqux għax inkella jeħodlu postu. Fil-fatt Robert Abela obda lil Joseph Muscat għaliex ma dejqux billi ma semmiehx.
L-istqarrija tkompli li dak li qal Robert Abela llum dwar il-ftuħ tas-sena skolastika l-ġdida ma jagħti l-ebda serħan il-moħħ lill-eluf ta’ studenti, ġenituri, edukaturi u ħaddiema fis-settur.
Il-kwistjoni li jrid jindirizza Robert Abela mhix jekk l-iskejjel minn livell primarju sa dak terzjarju għandhomx jiftħu iżda kif dan ser isir. Robert Abela irid jirrealizza li kważi wasalna f’Settembru, u ħadd għadu ma jaf xejn.
Fuq it-tibdil fil-klima, minkejja l-kliem fieragħ ta’ Robert Abela, il-Gvern tiegħu wera li m’għandu l-ebda interess li jindirizza l-problema tat-tibdil fil-klima għaliex minflok ħadem mal-Unjoni Ewropea sabiex il-miri jintlaħqu qabel, falla l-miri tal-2020 u mar jinnegozja sabiex Malta tilħaqhom wara ħaddieħor.
It-tibdil fil-klima hi sitwazzjoni ta’ emerġenza għal kulħadd u l-Gvern għandu jaħdem sabiex il-miri stabbiliti jintlaħqu kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard.