Fl-aħħar jiem, is-St John Rescue Corps żiedu vettura tat-tifi tan-nar u dgħajsa ta’ salvataġġ mal-flotta tagħhom… liema vetturi mistennija li jagħtu lill-membri tagħhom l-aqwa servizz ta’ salvataġġ f’każi ta’ emerġenza.
Id-dgħajsa setgħet tinġieb grazzi għas-sapport u fondi miġbura fl-aħħar xhur minn numru ta’ individwi, għaqdiet u donaturi… dgħajsa li toffri tgħamir avvanzat ta’ life support.
Minn naħa l-oħra, il-vettura ta’ tifi tan-nar ngħatat b’donazzjoni minn Merseyside Fire and Rescue Services li wkoll hi attrezzata b’tagħmir għat-tifi tan-nar.
L-Għaqda mhux Governattiva tinkludi erba’ dipartimenti, dak li jieħu ħsieb is-salvataġġ ta’ tifi tan-nar, salvataġġ fuq il-baħar, salvataġġ permezz ta’ ħbula u dak li jagħti sapport mediku.
Il-voluntiera jinqasmu skont id-dipartiment u jagħmlu l-prattika meħtieġa filwaqt li oħrajn ikunu qed jistennew li jiġu msejħa biex jagħtu l-kontribut tagħhom flimkien ma’ dipartimenti oħra.
B’kollox l-għaqda għandha magħha madwar 70 voluntier li jagħtu s-servizz tagħhom meta tal-Protezzjoni Ċivili jew il-Pulizija jsejħulhom għall-għajnuna.
Iżda minkejja n-numru sabiħ li jinkludi kemm nisa u rġiel, l-għaqda tħeġġeġ biex kull min hu interessat jingħaqad magħhom.
Ritratti: Martin Agius
Filmati: Mikhail Micallef/St John Rescue Corps
Muntaġġ: Gail Mallia