Internazzjonali

Afganistan: It-Taliban mhux se jestendi d-deadline għall-evakwazzjoni…..Il-G7, illum, jiddiskutu l-kriżi ta’ poplu

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban li ħatfu l-kontroll tal-Afganistan mhumiex beħsiebhom jestendu d-deadline għall-missjoni tal-evakwazzjoni attwali ‘il hinn mill-31 ta’ Awwissu.

Filwaqt li aktar eluf ta’ Afgani ddisprati – flimkien ma’ ċittadini barranin — qegħdin jippruvaw jaħarbu mill-Afganistan, il-kelliema għat-Talibani enfasizzaw li l-aħħar ta’ dan ix-xahar għandu jitqies bħala ‘linja ħamra’ għall-evakwazzjoni.

L-istess kelliema qalu li l-President tal-Istati Uniti Joe Biden kien sostna li t-truppi Amerikani kellhom ikunu barra mill-Afganistan sa dik id-data u li kwalunkwe estensjoni tad-deadline ‘tkun tfisser estensjoni tal-okkupazzjoni (tal-Afganistan) mit-truppi barranin’. It-Taliban, issa, qed iwissu wkoll dwar ‘il-konsegwenzi’ li kieku dan id-deadline kellu jinbidel.

Sadanittant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, mistenni juża laqgħa ta’ emerġenza għall-pajjiżi tal-G7 biex jitlob lill-President Biden ‘itawwal’ l-irtirar tas-suldati mill-Afganistan – bil-għan li jkun hemm aktar żmien għall-evakwazzjonijiet mill-ajruport ta’ Kabul.

Il-laqgħa ta’ emerġenza – permezz ta’ virtual summit — se titratta l-kriżi tal-poplu Afgan u s-sitwazzjoni ġenerali fl-Afganistan u saret possibbli wara sensiela ta’ taħditiet bejn Johnson u Biden. Ir-rapporti qalu li dawn iż-żewġ mexxejja qablu dwar ‘il-ħtieġa li l-komunità globali tissieħeb f’impenn kollettiv biex jevitaw kriżi umanitarja fl-Afganistan’

Ir-Renju Unit, din is-sena, qed imexxi lill-Grupp tas-Seba’ (G7) magħmul mill-Istati Uniti, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Ġappun.

Fi żviluppi oħra, numru ta’ qawwiet anti-Talibani li qed jinġabru fir-reġjun tal-Wied ta’ Panjshir, fl-Afganistan, għamluha ċara li jinsabu ‘lesti għal reżistenza’. Intant, il-kelliema tagħhom qalu li l-qawwiet beħsiebhom jissieħbu f’negozjati ‘qabel jibdew kwalunkwe forma ta’ konflitt’ mal-militanti Iżlamiċi.

Il-qawwiet anti-Talibani huma magħmulin minn eluf ta’ ġellieda taħt il-kmand ta’ Ahmad Massoud u l-kelliema tagħhom qegħdin isejħu biex it-Taliban ‘jagħmel il-parti tiegħu fi proċess ta’ negozjati sinċiera’.

Sadanittant, il-militar tal-Ġermanja qal, , li nqatel membru tal-qawwiet tas-sigurtà Afgani meta numru ta’ aggressuri mhumiex identifikati attakkaw zona tal-ajruport ta’ Kabul. Ir-rapporti rreferew ukoll għal sparatura fl-inħawi anki waqt li l-Istati Uniti kienet qed iżżid l-impenji għall-evakwazzjonijiet tan-nies mill-Afganistan.

Il-missjoni għall-evakwazzjoni qed tinvolvi anki ajruplani tal-linji tal-ajru Delta, United Airlines u oħrajn li se jwasslu lin-nies diġà evakwati mill-Afganistan lejn id-destinazzjonijiet finali.

Min-naħa tagħha, il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Kamala Harris — waqt żjara li kienet qed tagħmel f’Singapore – faħħret lill-militar tal-Istati Uniti ‘għall-ħidma diffiċli li qed iwettaq’ fl-ajruport ta’ Kabul.