Lokali

AĠĠORNATA: Anzjana tmut wara nirien f’residenza f’Ħal Tarxien

Jisimha Lonza Busuttil, l-anzjana ta’ 81 sena, li tilfet ħajjitha kaġun ta’ nirien li ħakmu d-dar tagħha li tinsab fi Triq Betta f’Ħal Tarxien.

L-inċident jidher li seħħ għall-ħabta tas-6.30am b’membri tal-Protezzjoni Ċivili u għadd ta’ pumpiera jaslu mal-ewwel fil-post biex jikkontrollaw in-nirien. F’ħin qasir, wasal ukoll tim mediku permezz ta’ ambulanza.

Iżda sfortunatament, skont l-informazzjoni li kiseb Net News, l-anzjana mietet fil-post kaġun tad-dħaħen li żviluppaw min-nirien. Jidher li fir-residenza kien hemm ukoll il-kelb tal-familja, li anke hu spiċċa miet maġenbha.

Ir-rapport inizzjali qed jindika li n-nar żviluppa minn short circuit fl-ewwel sular ta’ din ir-residenza.

Ftit wara li seħħet din it-traġedja illi laqtet lill-familja Busuttil, sar appell biex kull min jista’ joffri l-għajnuna tiegħu f’dan il-mument difficli.

Dan l-istazzjon jinsab infurmat li l-mara kellha erba’ t’ulied illi tnejn kienu jgħixu magħha. Uliedha, fil-ħin tal-inċident, kienu diġà ħarġu għax-xogħol.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. Intant, fost dawk li wasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-familja Busuttil kien hemm ukoll il-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Ħal Tarxien.