L-eks Deputy Leader tal-Partit Laburista l-Avukat Joe Brincat ma jaqbilx mal-konklużjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fosthom dik li tintalab skuża għal dak li ġara f’isem l-istat Malti.
Fi protest ġudizzjarju li Brincat ippreżenta fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili huwa attakka wkoll lill-Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino li kien wieħed mill-Imħallfin li ppresjeda l-inkjesta pubblika li sabet ħafna nuqqasijiet tal-Gvern li wasslet għall-mewt tal-ġurnalista. L-inkjesta pubblika semgħet xhieda biex tiddetermina jekk l-istat setax għamel xi ħaġa biex jiġi evitat dan il-qtil.
Brincat li kien ukoll Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet u Djar għal sentejn u nofs, minn Lulju 1979 sa Diċembru 1981 talab biex minnufih l-Avukat tal-Istat jibda proċeduri għall-inkjesta fuq l-inkjesta pubblika li saret sabiex jiġi stabbilit jekk l-affarijiet sarux sew, u anke biex tiddetermina jekk dawk li mexxew l-inkjesta pubblika għamlux xogħlohom sew.
Dwar l-eks Prim Imħallef Said Pullicino, Brincat qal li dan huwa wkoll konsulent tal-Ombudsman, li għas-sena 2019 ippreżenta rapport lill-Ispeaker tal-Kamra fejn qal l-affarijiet kollha li ntqalu fl-injkesta u għalhekk hemm evidenza ċara li l-istess Imħallef kien diġà ippronunzja ruħu, jew kien parteċipi mportanti, fuq il-mertu tal-istess kwistjoni u għalhekk ma setax ikun imparzjali.
Fil-protest tiegħu l-Avukat Brincat, li ddeskrieva il-qtil bħala wieħed faħxi saħansitra qal li kienet l-istess inkjesta pubblika kienet qed tikser ir-rule of law. Qal li huwa qed jagħmel dan il-protest għaliex ġie indizjat l-istat Malti, li huwa stess jappartjeni għalih. Tenna li l-istat mhuwiex biss Kastilja imma huma wkoll l-organi kollha kostituzzjonali tal-pajjiż inkluża l-ġudikatura u ċ-ċittadini ordinarji tal-pajjiż.
L-eks Deputat Mexxej Laburista qal li l-inkjesta pubblika kienet marbuta bit-terms of reference li kellha u kienet marbuta bil-liġi. Qal li skont il-liġi l-membri kollha kellhom jieħdu ġurament skont l-iskeda però jirriżulta li minn avviż li ħareġ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni tali ġurament ma ngħatax dwar l-imparzjalità “bħala sinjal ta’ buona volontà.”
L-Avukat Brincat qal li r-rule of law titlob li l-inkjesta tiba’ fil-parametri tagħha u li dwar dan ma ngħatat l-ebda inkarigu jew awtorità jew saritilha xi talba biex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li deherilha hi. Saħaq li f’kull qtil ieħor mingħajr ebda diskriminazzjoni, l-istat messu jitlob skuża.
//= $special ?>