Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet li jistgħu jkunu imposti aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja f’każ li dan il-pajjiż juża pipeline tal-gass kontroversjali bil-ħsieb li jdgħajjef is-sitwazzjoni tal-Ukrajna.
Merkel, li kienet qed iżżur l-Ukrajna għall-aħħar darba qabel tispiċċa minn Kanċillier, qalet lill-President Ukren,Volodymyr Zelensky li hi tifhem it-tħassib tiegħu dwar il-proġett magħruf bħala Nord Stream 2 u l-effetti potenzjali tal-aġir ta’ Moska. Dan meta Zelensky qed jopponi l-pipeline, li skont hu qed jhedded lis-sigurtà ta’ pajjiżu.
In-Nord Stream 2 pipeline se jgħaddi minn taħt il-Baħar Baltiku u permezz tiegħu għandha tirdoppja l-esportazzjoni tal-gass mir-Russja lill-Ġermanja.
Iżda l-Ukrajna tinkwieta li dan il-pipeline tal-gass kapaċi jissikka l-kontroll tar-Russja fuq il-provvista tal-enerġija fir-reġjun u bir-riżultat li tissaħħaħ l-influwenza ta’ Moska.
Meta tkellem dwar is-sitwazzjoni, il-President Zelensky fisser il-proġett bħala ‘arma ġeopolitika tal-Kremlin’ u sostna li l-proġett għandu jkun wieħed perikoluż għall-Ewropa kollha.
Iżda Merkel, li se tispiċċa minn Kanċillier fil-ħarifa wara sittax-il sena fil-poter, qalet li l-Ġermanja taqbel mal-Istati Uniti li n-Nord Stream 2 mgħandux jintuża kontra l-Ukrajna.
Għaldaqstant, hi spjegat li s-sanzjonijiet jistgħu jintużaw kontra Moska taħt ftehim bejn il-Ġermanja u Washington u f’każ li r-Russi jiddeċiedu li ‘jużaw il-gass bħala arma’ kontra pajjiż partikulari.
//= $special ?>