Lokali

“Ikompli t-tkaxkir tas-saqajn mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà” – Repubblika

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Kull ġurnata li tgħaddi l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa qiegħed dejjem aktar jsir jixbah lil Lawrence Cutajar.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-President tal-ghaqda Repubblika Robert Aquilina matul konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu quddiem id-Depot.

Robert Aquilina qal li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa għadu qed ikaxkar saqajh u baqa’ ma ressaq il-Qorti lanqas persuna waħda li għandha konnessjoni mal-qarnita mafjuża li ġabet għajb lil pajjiżna.

Il-President ta’ Repubblika sostna li bħal donnu kulħadd f’Malta sema’ b’dawn in-nies ħlief min bil-liġi għandu r-responsabbilta li jressaqhom lejn il-ġustizzja. Fost dawn il-peruni hemm John Dalli li Angelo Gafa stess meta kien spettur iddikjara li l-pulizija kellha biżżejjed evidenza f’idejha biex tressqu l-Qorti.

Robert Aquilina qal li hemm ukoll il-kriminali tal-Pilatus Bank li meta iktar minn sena ilu Gafa laħaq kummissarju, kien qal li fuq dan il-każ fi żmien xahar il-pulizija kienet se tressaq xi nies… iżda s’issa għadu ma ġara assulutament xejn.

Persuna oħra hija l-eks Ministru Konrad Mizzi… b’Aquilina jsaqsi li possibbli l-Kummissarju lanqas biss għandu f’idejh biex jakkużah li wettaq tentattiv ta’ money laundering? U fuq il-korruzzjoni li wettaq l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, Gafa m’għamel assulutament xejn.

Apparti dawn, Angelo Gafa ma ħa ebda azzjoni lanqas fil-konfront ta’ Joe Cuschieri, Heatcliff Farrugia u Anthony Farrugia. U l-lista tkompli… Edward Scicluna, Chris Cardona, il-business partners ta’ Yorgen Fenech, Johan Buttigieg, Edward Licari, Carmelo Abela, Rosianne Cutajar u oħrajn.

Ftit tal-ġimgħat ilu Angelo Gafa ssospenda lill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla, iżda sal-lum Gafa għadu ma kellux id-diċenza li jgħid lill-poplu għajfejn Abdilla jinsab sospiż… fejn Abidlla għadu ma rifisx l-għatba tal-Qorti akkużat b’xi ħaġa.

Robert Aquilina qal li li minkejja l-grey listing, il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika, ix-xhieda xokkanti li jinstemgħu fil-Qorti… il-Kummissarju tal-Pulizija qed jibqa’ jkaxkar saqajh. Bħal Lawrence Cutajar, Angelo Gafa mhux jieħu azzjoni deċiżiva fuq il-korruzzjoni li saret taħt u bil-protezzjoni ta’ dak li għamlu Kap Eżekuttiv tal-Korp… Joseph Muscat. Bħalma ġara taħt Cutajar, taħt Gafa l-politiċi għadhom meqjusa bħala untouchables.