Fost iċ-ċapċip tad-devoti, mat-tokki ta’ nofsinhar, waslet ir-relikwa tal-kranju ta’ San Duminku fil-Bażilika ta’ Sidtna Marija tal-Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta.
Mal-wasla tagħha, ir-relikwa ddaħħlet fil-Bażilika u beda it-talb. Dan bhala parti mill-wasla tar-relikwa f’uħud mill-knejjes li huma tal-Ordni Dumnikana f’pajjiżna fl-okkazzjoni tat-800 sena mill-mewt tal-Patrijarka San Duminku.
Ir-relikwa nġiebet f’Malta is-Sibt li għadda mil-Monasteru tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Monte Mario f’Ruma.
Il-Bażilika fil-Belt Valletta baqgħet miftuħa tul in-nofstanhar kollu, fejn kull nofs siegħa ingħad ir-Rużarju, il-Litanija ta’ San Duminku u anki talb ieħor. Wara quddiesa kkonċelebrata, ir-relikwa tal-kranju ta’ San Duminku ttieħdet fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata fil-Birgu.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed jimmarkaw il-ftuħ ta’ ġimgħa ta’ festi solenni f’ġieħ il-Patrijarka San Duminku fil-Birgu, li jilħqu l-qofol tagħhom bejn it-28 u 29 t’Awwissu.
//= $special ?>