Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena tan-nisa tal-waterpolo b’rebħa storika

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena tan-nisa tal-waterpolo kiseb rebħa storika ta’ 11-8 fuq ir-Rumanija fil-Women’s European Junior Championships li qed isiru fil-Kroazja.

It-tim imexxi minn Anthony Farrugia kien għadu ġej minn żewġ telfiet kbar kontra l-Kroazja u l-Ġermanja iżda fil-partita kontra r-Rumanija, it-tim Malti kellu prestazzjoni mill-aqwa. Ir-Rumeni rebħu l-ewwel sessjoni 1-0 iżda l-Maltin qamu għall-okkażjoni u fit-tieni sessjoni b’gowls minn Martha Perici Ferrante li skorjat darbtejn u Kai Agius temmew is-sessjoni 3-1 fil-vantaġġ.

Fit-tielet sessjoni, l-iktar sessjoni li kienet kumbattuta, l-Maltin rebħu 4-3, b’gowls minn Zaira Bartolo, dopjetta ta’ Kaia Agius u gowl ieħor ta’ Martha Perici Ferrante biex b’hekk daħlu għall-aħħar sessjoni b’vantaġġ ta’ 7-4. Fir-raba’ u l-aħħar sessjoni, l-Maltin għarfu jżommu l-vantaġġ ta’ tliet gowls minkejja l-pressjoni mit-tim Rumen, bil-players, Martha Perici Ferrante, Kaia Agius, Zaira Bartolo u Elaya Montfort jiskurjaw f’din is-sessjoni.

B’hekk b’din ir-rebħa, Malta aċċertat li mhix se ttemm fl-aħħar post hekk kif fl-aħħar partita jilagħbu kontra wieħed mill-favoriti li jirbħu dan it-tournament, ir-Russja.