Lokali

KONFERMA MILL-NSO: Il-prezzijiet f’Lulju komplew jiżdiedu

Fost l-akbar żidiet, hemm il-prezz tal-prodotti tal-ikel, spejjes marbuta mad-dar u l-housing, ħwejjeġ, u prodotti ta' kura personali

L-aħħar ċifri ppublikati llum mill-NSO jikkonfermaw dak li ilu jirrapporta Net News għal dawn l-aħħar jiem; xejra konsistenti, ġimgħa wara l-oħra, illi turi żieda fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti.

Fil-fatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja żdiedet minn 1.47 fil-mija għal 1.81 fil-mija.

Anke xahar għal xahar kien hemm żidiet. Iċ-ċifri jikkonfermaw li l-prezzijiet ilhom jiżdiedu b’mod konsistenti a minn Frar li għadda (kif turi l-grafika hawn fuq).

Fost l-akbar żidiet, hemm il-prezz tal-prodotti tal-ikel, spejjes marbuta mad-dar u l-housing, ħwejjeġ, prodotti ta’ kura personali kif ukoll spejjes marbutin mas-saħħa.

Eżerċizzju separat li sar mill-gazzetta tal-GWU ‘It-Torċa’ juri li fost il-prodotti li żdiedu minn xirja bażika li tagħmel familja kull ġimgħa hemm il-kafè, il-corned beef, il-bacon, ċertu juices tal-bott u sauces varji. Iż-żieda ta’ xirja medja kienet taqbeż iż-€2 – ferm aktar miż-żieda li kien ta l-Gvern għall-għoli tal-ħajja. U dan fuq prodotti essenzjali biss.