Il-UNHCR – l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li hi responsabbli mir-refuġjati – sejħet biex il-komunità internazzjonali ma tinjorax is-sitwazzjoni ta’ miljuni ta’ Afgani ddisprati filwaqt li tikkonċentra biss ‘fuq il-ftit Afgani li jistgħu jkunu evakwati.’
Catherine Stubberfield, kelliema għall-UNHCR, qalet li filwaqt li s-sitwazzjoni fl-ajruport ta’ Kabul tibqa’ inkwetanti hu fatt indiskutibbli li hemm mal-20 miljuni madwar l-Afganistan li qed ibatu min-nuqqasijiet u li jeħtieġu l-għajnuna immedjata.
Stubberfield qed tinsisti għal ħafna aktar appoġġ mingħand il-komunità internazzjonali u biex il-pajjiżi tad-dinja jiftakru li nofs il-popolazzjoni tal-Afganistan (ta’ madwar 40 miljuni) spiċċaw f’sitwazzjoni mill-aktar iddisprata.
In-NU qed tikkalkula li hemm ‘il fuq minn 3.5 miljun refuġjati interni fl-Afganistan, b’ħafna minn dawn jinsabu neqsin mill-ikel, l-ilma nadif u l-mezzi għal kenn aċċettabbli.
Dan waqt li l-UNHCR qed titlob biex il-fruntieri tal-pajjiżi jibqgħu miftuħin mhux biss biex l-Afgani ddisprati jsibu l-għajnuna, iżda – aktar importanti – biex il-familji li qed jaħarbu lit-Talibani jsibu s-sigurtà li qed tiġi miċħuda lilhom fl-Afganistan.
Sadanittant, fl-ibliet tal-Ewropa ma naqsux id-dimostrazzjonijiet kontra l-ħtif tal-Afganistan mill-ġellieda fanatiċi tat-Taliban u fejn mijiet kbar ta’ Ewropej issieħbu mal-komunitajiet tal-Afgani li, snin ilu, sabu dar fil-kontinent tagħna.
Id-dimostrazzjonijiet spikkaw l-aktar fi Franza, ir-Renju Unit, il-Belġju, l-Italja, il-Polonja, it-Turkija u l-Ġermanja – bil-mexxejja politiċi ta’ dawn il-pajjiżi qed janalizzaw il-kriżi tal-Afganistan minn minuta għall-oħra. Fil-fatt, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qed jaħseb biex, għada, ilaqqa’ lill-Mexxejja tal-G7 għal taħditiet urġenti dwar is-sitwazzjoni tal-Afgani.
L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn l-Istati Iżlamiċi (magħmula minn 57 pajjiż) sostniet , waqt laqgħa ta’ emerġenza, li l-Afganistan ma tista’ qatt titħalla tipprovdi kenn (mill-ġdid) lill-entitajiet terroristiċi bħall-al-Qaeda.
L-Organizzazzjoni, li hi bbażata fl-Arabja Sawdija, qed taħseb biex, fix-xhur li ġejjin, tibgħat ir-rappreżentanti tagħha lejn Kabul bil-għan li huma jenfasizzaw l-importanza ‘tal-paċi, l-istabbilità u r-rikonċiljazzjoni’ fl-Afganistan.
Intant, l-Organizzazzjoni esprimiet appoġġ għall-poplu Afgan kollu waqt li ħeġġet biex l-entitajiet kollha fl-Afganistan jirrinunċjaw għall-vjolenza waqt li jirristawraw is-sigurtà u ‘kull sens ta’ ordni ċivili’ fil-pajjiż.
//= $special ?>