Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola llum iltaqgħet mal-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis f’laqgħa informali f’Ateni f’pass ‘il quddiem sabiex ikun intensifikat ftehim dwar l-imigrazzjoni.
Roberta Metsola u l-Prim Ministru Mitsotakis iddiskutew is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fl-Afganistan u ssottolinjaw il-ħtieġa li l-atturi globali u Ewropej jaħdmu flimkien man-Nazzjonijiet Uniti biex isibu soluzzjonijiet li jippermettu lin-nies li jaħarbu mill-Afganistan u jesperjenzaw din it-traġedja umanitarja sabiex ifittxu protezzjoni fir-reġjun b’mod sikur, uman u organizzat.
“Dak li qed naraw fl-Afganistan huwa traġedja li qed tiżvolġi. Neħtieġu solidarjetà u għandna nkunu kapaċi jkollna sistema fejn in-nies li jaħarbu jistgħu wkoll ifittxu protezzjoni eqreb lejn darhom” qalet il-Viċi President Roberta Metsola.

Lil hinn mill-importanza tas-sitwazzjoni fl-Afganistan, Roberta Metsola ssottolinjat il-ħtieġa għal soluzzjoni koerenti għall-asil u l-imigrazzjoni. “Jibqa’ l-punt tiegħi li l-imigrazzjoni hija sfida li ma tistax titħalla f’idejn Stati Membri bħall-Greċja, Malta jew l-Italja biex jittrattawha huma – hija sfida Ewropea u globali kondiviża u għalhekk trid issir responsabbiltà ta’ kulħadd”.
“Il-prijorità tagħna għandha tkun l-approvazzjoni tal-Patt dwar l-Immigrazzjoni mill-aktar fis possibbli. Il-Patt għandu l-għeruq tiegħu fil-valuri u l-protezzjoni tal-fruntieri esterni u l-espressjoni ta’ solidarjetà fuq bażi tanġibbli, sabiex l-pajjiżi differenti jkunu jistgħu jingħaqdu”, qalet Roberta Metsola.
Il-Viċi President qalet li l-Parlament Ewropew se jkompli jappella għal qbil dwar politika ċara Ewropea għall-imigrazzjoni li tibbilanċja r-responsabbiltà fuq dawn il-kwistjonijiet. “Se nkomplu nappellaw għal ftehim li jkun ġust ma’ dawk li jeħtieġu protezzjoni, sodi ma’ dawk li mhumiex eliġibbli u b’saħħithom ma’ dawk in-networks tat-traffikar li jfittxu li jisfruttaw lill-persuni vulnerabbli” qalet Roberta Metsola.
Aktar kmieni, l-MEP Roberta Metsola żaret iċ-Ċentru ta’ Eleonas. Matul iż-żjara tagħha, Roberta Metsola qalet li l-bżonn li tinstab triq Ewropea ‘l quddiem dwar l-imigrazzjoni, ifisser li jeħtieġ li nifhmu l-kundizzjonijiet tal-Istati Membri l-aktar esposti bħall-Greċja, Malta u l-Italja.
//= $special ?>