Lokali Saħħa

L-MUMN tgħid li l-proġett tal-Gvern falla

Kien hemm okkażjonijiet meta ingħataw dożi ħżiena ta' mediċini lill-pazjenti rikoverati f'Mater Dei

Proġett li sewa xejn anqas minn €25 miljun huwa dikjarat bħala falliment mill-union li tirrapreżenta lill-infermiera.

Fi stqarrija, l-MUMN kienet qed tgħaddi r-rimarki tagħha dwar il-famuż proġett tar-robots f’Mater Dei, li kienu intiżi sabiex jiffaċilitaw il-proċess marbut mat-tqassim tal-mediċini.

Is-sistemi robotiċi, li jġibu l-isem ‘Mario’ u ‘Sophia’ – li tniedew mingħajr konsultazzjoni – ilhom jiġu ittestjati sa mill-2019. Iżda skont l-MUMN “is-sistema falliet għal sentejn sħaħ”. Tant hu hekk, li kien hemm okkażjonijiet meta ingħataw dożi ħżiena ta’ mediċini lill-pazjenti rikoverati f’Mater Dei.

Fl-istqarrija ġie żvelat illi dan il-proġett tant falla li saħansitra anke l-project leader kien spiċċa irriżenja. Dan apparti li nħoloq piż bla bżonn fuq l-infermieri.

Huwa propju għalhekk li l-MUMN ħarġet direttivi lill-infermieri biex ma jmissu bl-ebda mod ma dawn il-proċessi li jinvolvu r-robots ‘Sophia’ u ‘Mario’.