Lokali Qorti

Miċħuda t-talba għal libertà proviżorja għal Adrian Agius ta’ Maksar

Il-Qorti tal-Maġistrat ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja fil-konfront ta’ Adrian Agius magħruf bħala tal-Maksar wara li l-Avukat Ġenerali oppona bil-qawwa kollha u kien iddikjara li qed jibża’ li jisparixxi għax għandu l-kuntatti barra l-pajjiz.

L-AĠ kien qal lill-Qorti fis-sottomissjonijiet tiegħu li Agius għandu r-riżorsi biex jisparixxi. It-talba għall-pleġġ kienet saret nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Awwissu waqt il-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala Ta’ Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio, dan tal-aħħar magħruf bħala ċ-Ċiniż.

Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015. George Degiorgio u Jamie Vella huma akkużati bl-eżekuzzjoni tal-assassinju ta’ Chircop f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara filwaqt li Robert Agius u Jamie Vella huma akkużati li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia f’Ottubru 2017.

Degiorgio bħalissa għaddej minn proċeduri separati għall-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali fuq il-biza li Adrian Agius jista’ jaħrab minn Malta u nuqqas ta’ affidabilità u l-biża li jiġu kontaminati l-provi.

L-aħwa Agius u Vella kienu ilhom suspettati li kienu l-fornituri tal-bombi fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Huma kienu ġew arrestati f’Diċembru 2017 iżda wara ġew meħlusa mingħajr ebda akkuża. Huma ġew arrestati fl-istess jum li Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u ġie kkundannat għal 15-il sena ħabs wara ftehim biex jagħti nformazzjoni utli dwar il-każ.

L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin huma avukati difensivi għall-aħwa Agius, filwaqt li l-avukat William Cuschieri qed jidher għal George Degiorgio. L-Avukat George Camilleri qed jirrappreżenta lill-Avukat Ġenerali fil-proċeduri, filwaqt li s-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri qed imexxu l-prosekuzzjoni.

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia, filwaqt li l-avukat Vince Galea qed jidher għall-familja Chircop