Lokali

Miriam Dalli tgħid li l-indiċi tal-prezzijiet f’pajjiżna jinsab taħt kontroll

Għad-domandi ta’ Net News dwar l-għoli tal-ħajja, iż-żieda fil-prezzijiet u ebda żieda sostazjali fil-pagi tal-ħaddiema, il-Ministru Miriam Dalli qalet li meta kkumparati ma’ pajjiżi oħrajn is-sitwazzjoni tal-indiċi tal-prezzijiet f’pajjiżna kkontrollata ferm.

Il-Ministru qalet dan fl-istess ġurnata li fiha l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ikkonferma li r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja żdiedet minn 1.47 fil-mija għal 1.81 fil-mija. Anke xahar għal xahar kien hemm żidiet. Iċ-ċifri jikkonfermaw li l-prezzijiet ilhom jiżdiedu b’mod konsistenti sa minn Frar li għadda. Fost l-akbar żidiet, hemm il-prezz tal-prodotti tal-ikel, spejjes marbuta mad-dar u l-housing, ħwejjeġ, prodotti ta’ kura personali kif ukoll spejjes marbutin mas-saħħa.

Huwa ċar li l-Gvern Laburista mhu se jkun qed jagħmel xejn biex jindirizza l-problemi li qed jiffaċjaw il-familji Maltin u Għawdxin. Dan għaliex meta staqsejna lill-Ministru Miriam Dalli hi qaltilna li l-indiċi tal-prezzijiet f’pajjiżna jinsab taħt kontroll. Meta affacjajniha b’domandi dwar il-piż tal-prezzijiet fuq il-familji, il-ħaddiema u l-anzjani, l-Ministru Dalli dawwret id-diskors fuq il-pandemija.

Iż-żieda kontinwa tal-għoli tal-ħajja qed taffetwa lil kulħadd – mhux biss persuni li jaqilgħu l-minimum wage u l-anzjani li jgħixu bil-pensjoni, iżda anke ħaddiema li l-pagi tagħhom huma inqas mill-medja Ewropa.