Talanqas 30 persuna mietu, b’għexieren oħra jkunu rappurtati nieqsa, wara għargħar kbir li kaxkar diversi zoni fl-Istat ta’ Tennessee. Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, kienu qed ifittxu għal aktar minn 50 persuna fl-inħawi rurali ta’ Humphreys County, lejn il-punent ta’ Nashville.
L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-għargħar laħaq livelli rekord, bir-riżultat li kaxkar miegħu toroq sħaħ, flimkien ma’ infrastruttura li inkludiet il-faċilitajiet tad-dawl.
Il-ħaddiema għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, kienu qed iduru minn dar għal dar waqt li jfittxu għan-neqsin. Il-ħidma kkonċentrat fuq l-agħar inħawi affettwati mill-għargħar, bl-istess skwadri anki jwettqu tfittxijiet intensivi qalb it-tifrik tad-djar li spiċċaw meqruda mill-gliegel tal-ilma kontinwi.
L-ismijiet tar-residenti neqsin tpoġġew fuq notice board f’ċentru għall-emerġenzi f’Humphreys County, b’numru ta’ qraba qegħdin jaħsbu li dawn ir-residenti mhumiex se jinstabu ħajjin fiċ-ċirkustanzi.
Ħafna mir-residenti neqsin ġejjin mill-belt ta’ Waverly u l-Gvernatur ta’ Tennessee, Bill Lee, żar l-inħawi fejn ikkonferma ‘l-impatt devastanti tal-għargħar fost it-telf tal-ħajja u l-proprjetà’.
//= $special ?>